[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Palenque

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kartolina ta' Palenque

Palenque (pronunzja bl-Ispanjol: [pa'leŋke]; bil-Maja tal-Yucatan: Bàakʼ [ɓaːkʼ]), magħrufa fl-antik ukoll bil-lingwa Itza bħala Lakamhaʼ (li tfisser litteralment "Ilma Kbir jew Ilmijiet Kbar")[1][2], kienet belt-stat tal-Maja fin-Nofsinhar tal-Messiku li spiċċat fix-xejn fis-seklu 8. Il-fdalijiet ta' Palenque jmorru lura għall-226 Q.K. sal-ħabta tas-799 W.K. Wara d-deklin tagħha, il-belt inħakmet mill-ġungla ta' siġar taċ-ċedru, tal-kawba u tas-sapodilla, iżda mbagħad ġiet skavata u rrestawrata.[3] Tinsab qrib ix-xmara Usumacinta fl-istat Messikan ta' Chiapas, madwar 130 kilometru (81 mil) fin-Nofsinhar ta' Ciudad del Carmen, 150 metru (490 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Ikollha medja ta' xi 2,160 millimetru (85 pulzier) ta' xita fis-sena u temperatura umduża ta' 26 °C (79 °F).[3]

Palenque huwa sit b'daqs medju, iżgħar minn Tikal, Chichén Itzá jew Copán, iżda fih fost l-ifjen arkitettura, skultura, soqfa u bassoriljievi mnaqqxa li qatt ipproduċew il-Maja. Ħafna mill-istorja ta' Palenque ġiet rikostruwita mill-qari tal-kitbiet ġeroglifiċi tal-Maja fuq il-bosta monumenti; issa l-istoriċi għandhom sekwenza twila tad-dinastija mexxejja ta' Palenque fis-seklu 5 u għarfien estensiv tar-rivalità tal-belt-stat ma' stati oħra bħal Calakmul u Toniná. L-iżjed mexxej famuż ta' Palenque kien K'inich Janaab Pakal jew Pacal il-Kbir. Il-qabar tiegħu nstab u ġie skavat fit-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa. Sal-2005, iż-żona skoperta kienet tkopri sa 2.5 km2 (mil kwadru), iżda huwa stmat li inqas minn 10 % tal-erja totali tal-belt ġiet esplorata, u għad fadal iktar minn elf struttura li għadhom maħkuma u mgħottija mill-ġungla. Palenque laqgħet 920,470 viżitatur fl-2017.[4]

Riljiev fil-Mużew ta' Palenque li juri lil Upakal K'inich, iben K'inich Ahkal Mo' Naab III.

Karattri mitoloġiċi b'diversi glifiċi emblematiċi fit-titli tagħhom jissuġġerixxu storja bikrija kumplessa. Pereżempju, Kʼukʼ Bahlam I, li suppost kien il-fundatur tad-dinastija ta' Palenque, jissejjaħ Toktan Ajaw fit-test tat-Tempju tas-Salib tal-Weraq.

L-istrutturi famużi li nafu bihom illum il-ġurnata x'aktarx jirrappreżentaw sforz ta' rikostruzzjoni wara l-attakki mill-belt ta' Calakmul u mill-istati alleati tagħha fil-599 u fis-611.[5] Wieħed mill-figuri prinċipali responsabbli għar-rikostruzzjoni ta' Palenque u għal "rinaxximent" tal-arti u tal-arkitettura tal-belt huwa wkoll wieħed mill-iktar Ajaw tal-Maja li hu magħruf, Kʼinich Janaabʼ Pakal (jew Pacal il-Kbir), li mexxa mis-615 sas-683. Huwa magħruf permezz tal-monument funebri tiegħu mlaqqam it-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa, minħabba test twil ippreservat li nstab fit-tempju. Fiż-żmien meta Alberto Ruz Lhuillier skava l-qabar ta' Pakal, dan kien l-iktar qabar rikk u ppreservat tajjeb mill-oqbra skavati xjentifikament u magħrufa dak iż-żmien tal-Amerki tal-qedem. Baqa' magħruf b'dan il-mod sal-iskoperta tal-oqbra rikki tal-Moche f'Sipan, il-Perù, u l-iskoperti reċenti f'Copan, il-Ħonduras, u f'Calakmul, il-Messiku. Apparti l-attenzjoni li attira l-qabar ta' K'inich Janaab' Pakal lejn Palenque, il-belt hija storikament sinifikanti minħabba l-kitbiet ġeroglifiċi estensivi tal-Maja mwettqa matul ir-renji ta' Janaab' Pakal, ta' ibnu Kʼinich Kan Bahlam II, u tan-neputi tiegħu K'inich Akal Mo' Naab', u minħabba li huwa sit fejn Heinrich Berlin[6] u iktar 'il quddiem Linda Schele u Peter Mathews fasslu l-ewwel lista dinastika ta' belt tal-Maja.[7] Ix-xogħol ta' Tatiana Proskouriakoff kif ukoll dak ta' Berlin, Schele, Mathews, u oħrajn, ta bidu għall-investigazzjonijiet storiċi intensivi li kkaratterizzaw ħafna mill-istudju dwar il-Maja tal-qedem mis-snin 60 tas-seklu 20 sa llum il-ġurnata.[8] L-ikonografija estensiva u l-ġabra ta' testi ppermettew ukoll li jsir l-istudju tal-mitoloġija[9] u tal-prattiki ritwali tal-perjodu Klassiku tal-Maja.[10]

K'inich Kan B'alam II, wieħed mill-bosta mexxejja ta' Palenque. Detall mit-Tavla tat-Tempju XVII.

Din li ġejja hija lista tal-mexxejja tal-Maja possibbli u magħrufa ta' Palenque, bid-dati tar-renji tagħhom.[11][12]

Mexxejja mitoloġiċi u leġġendarji:

  • ?-Muwaan Mat; għall-ħabta tal-2325 Q.K.
  • Uk'ix Chan; għall-ħabta tad-987 Q.K.
  • Casper; għall-ħabta tal-252 Q.K.

Dinastija ta' Palenque:

  • K'uk' Bahlam I; 431 sal-ħabta tal-435 W.K.
  • "Casper"; 435 sal-ħabta tal-487 W.K
  • B'utz Aj Sak Chiik; 487 sal-ħabta tal-501 W.K.
  • Ahkal Mo' Nahb I; 501–524 W.K.
  • K'an Joy Chitam I; 529–565 W.K.
  • Ahkal Mo' Nahb II; 565–570 W.K.
  • Kan Bahlam I; 572–583 W.K.
  • Yohl Ik'nal; 583–604 W.K. (mara)
  • Ajen Yohl Mat; 605–612 W.K.
  • Janahb Pakal; għall-ħabta tas-612 W.K. (kariga mhux ċerta)
  • Sak K'uk'; 612–615 W.K. (mara)
  • K'inich Janaab Pakal I; 615–683 W.K.
  • K'inich Kan Bahlam II; 684–702 W.K.
  • K'inich K'an Joy Chitam II; 702–711 W.K.
  • K'inich Ahkal Mo' Nahb III; 721 sal-ħabta tas-736 W.K.
  • K'inich Janaab Pakal II; għall-ħabta tas-742 W.K.
  • K'inich Kan Bahlam III; għall-ħabta tas-751 W.K.
  • K'inich K'uk' Bahlam II; 764 sal-ħabta tas-783 W.K.
  • Janaab Pakal III; 799–? W.K.

Perjodu Klassiku Bikri

[immodifika | immodifika s-sors]
Kitbiet imnaqqxa fuq żewġ kolonni interni tat-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa

L-ewwel ajaw jew re ta' B'aakal li nafu bih kien K'uk Balam (li litteralment tfisser Ġagwar Quetzal), li mexxa lil Palenque għal erba' snin mill-431. Warajh laħaq re ieħor, imlaqqam "Casper" mill-arkeologi. Iż-żewġ rejiet ta' wara x'aktarx li kienu ulied "Casper". Ma tantx kien hemm tagħrif dwar l-ewwel re minnhom, B'utz Aj Sak Chiik, sal-1994, meta nstabet tavla b'deskrizzjoni ta' ritwal għar-re. L-ewwel tavla semmiet is-suċċessur tiegħu Ahkal Mo' Naab I bħala prinċep adolexxenti, u b'hekk huwa maħsub li kienu aħwa. Għal raġunijiet mhux magħrufa, Akhal Mo' Naab I kellu prestiġju kbir, u għalhekk ir-rejiet li ġew warajh kienu kburin li kienu d-dixxendenti tiegħu.

Meta Ahkal Mo' Naab I miet fil-524, kien hemm interrenju ta' erba' snin, qabel ma ġie inkurunat ir-re ta' wara f'Toktán fil-529. K'an Joy Chitam I rrenja għal 36 sena. Uliedu Ahkal Mo' Naab II u K'an B'alam I kienu l-ewwel rejiet li użaw it-titlu ta' Kinich, li jfisser "ix-xemx il-kbira". Dan it-titlu ntuża wkoll minn diversi rejiet oħra li ġew wara. B'alam ħaditlu postu fil-583 Yohl Ik'nal, li x'aktarx li kienet bintu. Il-kitbiet imnaqqxa li nstabu f'Palenque jiddokumentaw battalja li seħħet taħt ir-renju tagħha fejn truppi minn Calakmul invadew Palenque u serqu r-rikkezzi tal-belt, li kienet kisba militari bla preċedent. Dawn l-avvenimenti seħħew fil-599.

It-tieni rebħa ta' Calakmul fil-konfront ta' Palenque seħħet xi tnax-il sena wara, fis-611, matul ir-renju ta' Aj Ne' Yohl Mat, iben Yohl Iknal. F'din l-okkażjoni, ir-re ta' Calakmul daħal personalment f'Palenque, sabiex jikkonsolida d-diżastru militari sinifikanti, li ġie segwit minn epoka ta' diżordni politika. Aj Ne' Yohl Mat miet fis-612.

Perjodu Klassiku Aħħari

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Torri ta' Osservazzjoni tal-Palazz

Palenque bdiet il-perjodu Klassiku Aħħari fid-diżordni minħabba t-telfiet li ġarrbet kontra Calakmul. Il-panewijiet bil-glifiċi fit-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa, li jirreġistraw l-avvenimenti li seħħew dak iż-żmien, jirrakkontaw li xi ċerimonji reliġjużi annwali fundamentali ma sarux fis-613 u li f'dak il-punt: "Tilfet is-Sinjura Divina, tilef ir-re". Referenzi għall-gvern ta' dak iż-żmien ma nstabux.

Jingħad li x'aktarx wara l-mewt ta' Aj Ne' Yohl Mat, Janaab Pakal, imsejjaħ ukoll Pakal I, ħa l-poter bis-saħħa ta' ftehim politiku. Janaab Pakal wettaq il-funzjonijiet tal-ajaw (ir-re) iżda qatt ma ġie inkurunat. Warajh laħqet bintu fis-612, ir-reġina Sak K'uk', li rrenjat għal tliet snin biss sa ma binha ma kiber biżżejjed biex jirrenja hu. Jitqies li d-dinastija ġiet stabbilita mill-ġdid minn hemm 'il quddiem, u għalhekk Palenque reġgħet qabdet it-triq tal-glorja u ffjorixxiet mill-ġdid.

In-neputi ta' Janaab Pakal, K'inich Janaab' Pakal, magħruf ukoll bħala Pakal il-Kbir, huwa l-iżjed famuż fost ir-rejiet tal-Maja. Huwa beda jirrenja meta kellu 12-il sena wara li ommu Sak K'uk' irriżenjat minn reġina wara tliet snin biss, u b'hekk assuma l-poter hu. Pakal il-Kbir irrenja f'Palenque mis-615 sas-683, u ommu baqgħet forza importanti għall-ewwel 25 sena tar-renju tiegħu. Jaf anke rrenjat b'mod konġunt miegħu. Magħruf bħala l-favorit tal-allat, huwa wassal lil Palenque għal livelli ġodda ta' ġid u ta' sbuħija, minkejja li ħa l-poter meta l-belt ma kinitx fl-aqwa tagħha. Pakal iżżewweġ lill-prinċipessa ta' Oktán, Tzakbu Ajaw (magħrufa wkoll bħala Ahpo-Hel) fis-624 u flimkien kellhom tlett itfal.

Il-biċċa l-kbira tal-palazzi u tat-tempji ta' Palenque nbnew matul ir-renju tiegħu; il-belt iffjorixxiet bħal qatt qabel, u saħansitra qabżet lil Tikal. Il-kumpless ċentrali, magħruf bħala l-Palazz, tkabbar u ġie mmudellat mill-ġdid diversi drabi, b'mod partikolari fis-654, fis-661 u fis-668. F'din l-istruttura hemm test li jiddeskrivi kif f'dik l-epoka Palenque kienet alleata ġdida ta' Tikal u anke ta' Yaxchilan, u li flimkien irnexxielhom jaqbdu lis-sitt rejiet għedewwa tal-alleanza.

Wara l-mewt ta' Pakal fis-683, ibnu l-kbir K'inich Kan B'alam laħaq warajh, u mbagħad warajh fis-702 laħaq ħuh, K'inich K'an Joy Chitam II. L-ewwel wieħed kompla x-xogħlijiet arkitettoniċi u skulturali li kien beda missieru, u lesta l-kostruzzjoni tal-qabar famuż ta' Pakal. Is-sarkofagu ta' Pakal, li nbena għal raġel twil ħafna, kien fih l-iżjed kollezzjoni rikka tal-ġada f'qabar tal-Maja. Fuq wiċċu tpoġġiet maskra tal-mużajk tal-ġada, u ma' ġismu tpoġġiet libsa magħmula mill-ġada, maħduma biċċa biċċa bl-idejn u miżmuma flimkien permezz ta' ħajtiet tad-deheb.

Barra minn hekk, K'inich Kan B'alam I beda proġetti ambizzjużi, inkluż il-Grupp tat-Tempju tas-Salib. Bis-saħħa ta' diversi xogħlijiet li nbdew taħt it-tmexxija tiegħu, issa għandna ritratti ta' dan ir-re, li nstabu f'diversi skulturi. Ħuh laħaq warajh u kompla bil-kostruzzjoni u bl-arti bl-istess entużjażmu, u wettaq ir-rikostruzzjoni u t-tkabbir tan-naħa tat-Tramuntana tal-Palazz. Grazzi għar-renju ta' dawn it-tliet rejiet, Palenque gawdiet seklu ta' tkabbir u ta' ġmiel.

Veduta tal-Palazz mill-bitħa

Fis-711, Palenque nsterqet mir-renju ta' Toniná, u r-re anzjan K'inich K'an Joy Chitam II ttieħed bħala priġunier. Mhux magħruf x'kien id-destin finali tar-re, għalkemm x'aktarx ġie ġġustizzjat f'Toniná. Għal 10 snin ma kien hemm l-ebda re. Finalment, K'inich Ahkal Mo' Nab' III ġie inkurunat fis-722. Għalkemm ir-re l-ġdid kien parti mill-familja rjali, ma hemmx evidenza li kien eredi dirett ta' K'inich K'an Joy Chitam II. Jingħad għaldaqstant li l-inkurunazzjoni tiegħu kienet waqfa fil-linja dinastika, u x'aktarx li K'inich Ahkal Nab' wasal għall-poter wara snin ta' mmanuvrar u tiswir ta' alleanzi politiċi. Dan ir-re, ibnu u n-neputi tiegħu rrenjaw sal-aħħar tas-seklu 8. Ma tantx nafu wisq dwar dan il-perjodu, għajr li fost avvenimenti oħra, il-gwerra kontra Toniná kompliet, u nstabu ġeroglifiċi li jsemmu telfa ġdida ta' Palenque.

Maskra tar-Reġina l-Ħamra mill-qabar li nstab fit-Tempju XIII.

Okkażjonalment il-mexxejja tal-belt-stat kienu jkunu nisa. Is-Sinjura Sak K'uk' irrenjat f'Palenque għal mill-inqas tliet snin mis-612 W.K., qabel ma għaddiet it-tron lil binha. Madankollu, dawn il-mexxejja nisa kienu jingħataw attributi ta' rġiel. B'hekk, dawn in-nisa kienu jkunu iktar maskili u kienu jaqdu rwoli li tipikament kienu jkunu tal-irġiel.[13]

Matul is-seklu 8, B'aakal kulma jmur esperjenzat diffikultajiet kbar, bl-istess mod bħall-biċċa l-kbira ta' bliet-stati Klassiċi oħra tal-Maja, u ma kien hemm l-ebda kostruzzjoni tal-elit fiċ-ċentru ċerimonjali wara t-800. Popolazzjoni agrikola kompliet tgħix hemmhekk għal xi ġenerazzjonijiet, u mbagħad is-sit ġie abbandunat u bil-mod il-mod inħakemm mill-foresta. Id-distett ma tantx kien popolat meta l-Ispanjoli waslu fis-snin 20 tas-seklu 16.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt Pre-Ispanika u l-Park Nazzjonali ta' Palenque ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[14]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[14]

Arti u arkitettura

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn li ġejjin huma l-iktar strutturi importanti f'Palenque.

Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa

Il-kostruzzjoni tat-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa x'aktarx li bdiet saħansitra fis-675 bħala l-monument funebri ta' Hanab-Pakal.[15] It-tempju fih it-tieni l-itwal test glifiku magħruf mid-dinja tal-Maja (l-itwal test jinsab fit-Taraġ Ġeroglifiku f'Copan). It-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa jirreġistra madwar 180 sena tal-istorja tal-belt mir-raba' sat-tnax-il K'atun. Il-qofol tar-rakkont jirreġistra r-ritwali ta' tmiem il-K'atun ta' K'inich Janaab' Pakal, iffukat fuq l-ikoni tad-divinitajiet patruni tal-belt magħrufa prożajkament b'mod kollettiv bħala t-Trijade ta' Palenque jew b'mod individwali bħala GI, GII u GIII.[16]

Il-Piramida hija wiesgħa 60 metru, fonda 42.5 metru u għolja 27.2 metru. It-tempju tal-quċċata hija wiesgħa 25.5 metru, fonda 10.5 metri u għolja 11.4-il metru. L-ikbar ġebliet jiżnu bejn 12-il tunnellata u 15-il tunnellata. Dawn kienu jinsabu fil-quċċata tal-Piramida. Il-volum totali tal-Piramida u tat-tempju jammonta għal 32,500 metru kubu.[17]

Fl-1952 Alberto Ruz Lhuillier neħħa tavla tal-ġebel mill-art tal-kamra ta' wara tat-tempju u żvela passaġġ (li mtela ftit qabel ma l-belt ġiet abbandunata u nfetaħ mill-ġdid mill-arkeologi) li permezz ta' taraġ twil iwassal sal-qabar ta' Pakal. Il-qabar innifsu huwa notevoli għas-sarkofagu l-kbir imnaqqax, għall-ornamenti rikki li jakkumpanjaw lil Pakal, u għall-iskultura tal-istukko li żżejjen il-ħitan tal-qabar. Xi ħaġa unika tal-qabar ta' Pakal huwa l-psikodott, li jitla' mill-qabar stess, jitla' t-taraġ u jgħaddi minn toqba fil-ġebel li tgħatti d-daħla tal-qaber. Dan il-psikodott x'aktarx huwa referenza fiżika għal kunċetti dwar it-tluq tar-ruħ fil-mument tal-mewt fl-eskatoloġija tal-Maja, fejn fil-kitbiet imnaqqxa tintuża l-frażi ochb'ihaj sak ik'il (beda t-triq bajda u wiesgħa) b'referenza għat-tluq tar-ruħ. Sejba bħal din hija tassew importanti għaliex għall-ewwel darba turi li l-użu tat-tempju ma kienx uniku. Dawn il-piramidi għall-ewwel darba ġew identifikati bħala tempji kif ukoll bħala strutturi funebri.

L-ikonografija tant diskussa tal-għatu tas-sarkofagu turi lil Pakal bħala wieħed mill-manifestazzjonijiet tal-alla tal-qamħirrum tal-Maja ħiereġ mill-morsa tad-dinja ta' wara l-mewt.[18]

It-tempju għandu wkoll struttura ta' kanal li għadha ma ġietx mifhuma għalkollox mill-arkeologi. Ġie ssuġġerit li l-kanal jallinja mas-solstizju tax-xitwa u li x-xemx tiżreġ 'l isfel fuq il-qabar ta' Pakal.

Grupp ta' tempji ħdejn it-Tempju tas-Salib

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tempju tas-Salib

It-Tempju tas-Salib, it-Tempju tax-Xemx u t-Tempju tas-Salib tal-Weraq huma grupp ta' tempji grazzjużi fuq piramidi mtarrġin, u kull wieħed minnhom għandu riljiev imnaqqax b'mod elaborat fil-kompartiment intern b'żewġ figuri li jippreżentaw oġġetti ritwali u effiġji lil ikona ċentrali. Interpretazzjonijiet iktar bikrin kienu argumentaw li l-figura ż-żgħira kienet dik ta' K'inich Janaab' Pakal filwaqt li l-figura l-kbira kienet dik ta' K'inich Kan B'ahlam. Madankollu, abbażi ta' fehim aħjar tal-ikonografija u tal-epigrafija issa nafu li t-tavla ċentrali turi żewġ xbihat ta' Kan B'ahlam. Il-figura ż-żgħira turi lil K'inich Kan B'ahlam matul ritwal tal-età ta' sitt snin filwaqt li l-figura l-kbira turih jieħu t-tron tal-età ta' 48 sena. Dawn it-tempji ssemmew minn esploraturi bikrin; l-immaġnijiet qishom slaleb fi tnejn mir-riljievi effettivament juru s-siġra tal-ħolqien fiċ-ċentru tad-dinja fil-mitoloġija tal-Maja.[19]

Il-Palazz u l-Akkwedott

Il-Palazz, kumpless ta' diversi binjiet u btieħi konnessi u biswit xulxin, inbena minn diversi ġenerazzjonijiet fuq terrazza artifiċjali wiesgħa matul is-seklu 4. Il-Palazz intuża mill-aristokrazija tal-Maja għal funzjonijiet burokratiċi, għad-divertiment u għaċ-ċerimonji ritwalistiċi. Il-Palazz jinsab fiċ-ċentru tal-belt antika.

Is-sala bl-arkata ppuntata

Fi ħdan il-Palazz hemm bosta skulturi u tinqix ta' bassoriljievi li ġew ikkonservati. L-iżjed karatteristika mhux tas-soltu u li tintgħaraf huwa t-torri ta' erba' sulari magħruf bħala t-Torri ta' Osservazzjoni. Bħal ħafna binjiet oħra fis-sit għandu saqaf qisu mansarda. L-arkata ppuntata b'għamla tal-ittra A huwa motiv arkitettoniku osservat fil-kumpless kollu. Dawn it-tip ta' arkati jirrikjedu ammont kbir ta' mases tal-ġebel u huma limitati għal porzjon dimensjonali żgħir ta' wisa' għall-għoli jipprovdu s-soqfa għoljin karatteristiċi u l-passaġġi dojoq. Il-Palazz kien mgħammar b'diversi banjijiet u sawni kbar fornuti bl-ilma ħelu permezz ta' sistema elaborata tal-ilma. Akkwedott mibni minn blokok kbar tal-ġebel b'volta għolja ta' tliet metri, jiddevja l-fluss tax-xmara Otulum biex jgħaddi minn taħt il-pjazza prinċipali. Il-Palazz huwa l-ikbar kumpless ta' binjiet f'Palenque b'bażi ta' 97 metru bi 73 metru.

It-Tempju tal-Konti

Binjiet notevoli oħra

[immodifika | immodifika s-sors]
  • It-Tempju tal-Kranju fih kranju mnaqqax fuq wieħed mill-pilastri tiegħu.
  • It-Tempju XIII kien fih il-Qabar tar-Reġina l-Ħamra, mara nobbli mhux magħrufa, possibbilment il-mara ta' Pakal, li ġie skopert fl-1994. Il-fdalijiet fis-sarkofagu kienu miksijin għalkollox bi trab aħmar jgħajjat magħmul biċ-ċinabru.
  • It-Tempju tal-Ġagwar (magħruf ukoll bħala t-Tempju tar-Riljiev is-Sabiħ) jinsab xi 200 metru fin-Nofsinhar tal-grupp prinċipali ta' tempji; l-isem tiegħu jirreferi għall-bassoriljiev elaborat ta' re bilqiegħda fuq it-tron bl-għamla ta' ġagwar.
  • L-Istruttura XII fih bassoriljiev imnaqqax tal-Alla tal-Mewt.
  • It-Tempju tal-Konti huwa tempju Klassiku eleganti ieħor ta' Palenque, li kiseb ismu mill-fatt li l-esploratur bikri Jean Frederic Waldeck għex fil-binja għal xi żmien, u Waldeck kien isostni li kien konti.

Is-sit fih ukoll għadd ta' tempji, oqbra u residenzi tal-elit oħra, uħud minnhom 'il bogħod sew miċ-ċentru tas-sit, spazju miftuħ għal-logħba tal-ballun Mesoamerikana, u pont tal-ġebel interessanti fuq ix-xmara Otulum taħt l-akkwedott.

Investigazzjonijiet moderni

[immodifika | immodifika s-sors]
Detall ta' riljiev tal-Palazz impinġi minn Ricardo Almendáriz matul l-ispedizzjoni ta' Del Rio fl-1787.

Wara r-rakkont fil-qosor ta' de la Nada rigward il-fdalijiet, ma ngħataw l-ebda attenzjoni qabel l-1773 meta Don Ramon de Ordoñez y Aguilar eżamina lil Palenque u bagħat rapport lill-Kaptan Ġeneral f'Antigua Guatemala, imbagħad sar eżami ulterjuri fl-1784 fejn intqal li l-fdalijiet kienu ta' interess partikolari, u b'hekk sentejn wara l-arkitett Antonio Bernasconi ntbagħat flimkien ma' forza militari żgħira taħt il-Kurunell Antonio del Río biex jeżamina s-sit iktar fid-dettall. Il-forza ta' Del Rio kissret diversi ħitan biex tara x'tista' ssib u kkawżat ħsara konsiderevoli lill-Palazz, filwaqt li Bernasconi għamel l-ewwel mappa tas-sit u pinġa wkoll kopji ta' wħud mill-bassoriljievi u mill-iskulturi. Luciano Castañeda għamel iktar tpinġijiet fl-1807, u fl-1822 ġie ppubblikat f'Londra l-ktieb dwar Palenque, Descriptions of the Ruins of an Ancient City, discovered near Palenque, ibbażat fuq ir-rapporti ta' dawk l-aħħar żewġ spedizzjonijiet flimkien mat-tinqix abbażi tat-tpinġijiet ta' Bernasconi u ta' Castañedas; żewġ pubblikazzjonijiet oħra fl-1834 kien fihom deskrizzjonijiet u tpinġijiet dwar l-istess sorsi.

Juan Galindo żar Palenque fl-1831, u bagħat rapport lill-gvern tal-Amerka Ċentrali. Huwa kien l-ewwel wieħed li nnota li l-figuri fl-arti antika ta' Palenque kienu qishom l-Amerikani Nattivi lokali; xi esploraturi bikrin oħra, anke snin wara, attribwew is-sit saħansitra lil popli distanti bħall-Eġizzjani, il-Polineżjani jew it-Tribujiet Mitlufa ta' Iżrael.

Maskra tal-ġada tar-re K'inich Janaab Pakal, il-Mużew Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja, il-Belt tal-Messiku.

Fl-1832 Jean Frederic Waldeck qatta' sentejn f'Palenque u għamel diversi tpinġijiet, iżda l-biċċa l-kbira tax-xogħol tiegħu ma ġiex ippubblikat qabel l-1866. Sadanittant, fl-1840 Patrick Walker u Herbert Caddy żaru s-sit fuq missjoni tal-gvernatur tal-Ħonduras Brittantika, u mbagħad żaruh John Lloyd Stephens u Frederick Catherwood li ppubblikaw rakkont bl-illustrazzjonijiet is-sena ta' wara li kien superjuri ferm għar-rakkonti preċedenti dwar il-fdalijiet.

Désiré Charnay ħa l-ewwel ritratti ta' Palenque fl-1858, u reġa' lura fl-1881-1882. Alfred Maudslay rama tinda fil-fdalijiet fl-1890-1891 u ħa ritratti estensivi tal-arti u tal-kitbiet imnaqqxa kollha li seta' jsib, u għamel forom tal-karti u tal-ġibs ta' ħafna mill-kitbiet imnaqqxa, kif ukoll mapep u tpinġijiet dettaljati, u stabbilixxa standard għoli għall-investigaturi kollha l-oħra tal-ġejjieni. Maudslay tgħallem it-teknika tal-produzzjoni tal-forom tal-kartapesta mill-Franċiż Desire Charnay u applikaha fuq l-iskulturi.

Diversi spedizzjonijiet oħra żaru l-fdalijiet qabel Frans Blom tal-Università ta' Tulane fl-1923, li fassal mapep superjuri kemm tas-sit ewlieni kif ukoll ta' diversi fdalijiet periferiċi li qabel kienu ġew injorati, u bagħat rapport lill-gvern Messikan dwar rakkomandazzjonijiet rigward xogħol li seta' jsir biex il-fdalijiet jiġu ppreservati.

Mill-1949 sal-1952 Alberto Ruz Lhuillier issorvelja l-iskavi u l-konsolidazzjonijiet tas-sit għall-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja (INAH) tal-Messiku; kien Ruz Lhuillier l-ewwel persuna li ra l-qabar ta' Pakal il-Kbir wara elf sena. Ruz ħadem għal erba' snin fit-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa qabel ma skopra l-qabar. Iktar xogħol tal-INAH sar minn Jorge Acosta fis-snin 70 tas-seklu 20.

K'inich K'an B'alam II ("Chan Bahlam II").

Fl-1973, l-ewwel waħda mill-konferenzi produttivi ħafna dwar Palenque magħrufa bħala Mesa Redonda saret f'Palenque stess bis-saħħa tal-ispirazzjoni ta' Merle Greene Robertson; minn dik is-sena 'l quddiem kull ftit snin studjużi ewlenin tal-Maja baqgħu jiltaqgħu f'Palenque biex jiddiskutu u jeżaminaw is-sejbiet ġodda fil-post. Sadanittant, Robertson kien qed iwettaq eżami dettaljat tal-arti kollha f'Palenque, inkluż ir-reġistrazzjoni tat-traċċi kollha ta' kulur fuq l-iskulturi.

Fis-snin 70 tas-seklu 20 inbena wkoll mużew żgħir fis-sit.

Fl-aħħar 15 jew 20 sena, ferm iktar mis-sit ġie skavat, iżda attwalment l-arkeologi jistmaw li 5 % biss tal-belt kollha ġiet skavata.

Fl-2010, ir-riċerkaturi tal-Università Statali ta' Pennsylvania, Christopher Duffy u Kirk French, identifikaw l-Akkwedott ta' Piedras Bolas bħala akkwedott li jaħdem bil-pressa, li huwa l-iżjed wieħed bikri magħruf fid-Dinja l-Ġdida. Huwa akkwedott alimentat minn fawwara li jinsab fuq art wieqfa u li għandu żbokk ristrett li jikkawża l-ilma joħroġ bilfors, bil-pressa, sa għoli ta' sitt metri (20 pied). Ma rnexxielhomx jidentifikaw l-użu ta' din l-opra magħmula mill-bniedem.[20]

F'Ġunju 2022, l-arkeologi mill-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja (INAH) tal-Messiku ħabbru l-iskoperta ta' statwa b'ras tal-ġibs twila disa' pulzieri ta' 1,300 sena li tindika lil Hun Hunahpu ta' età żgħira, l-alla mitoloġiku tal-qamħirrum tal-Maja. Il-qatgħa xagħar nofsha mqaxxra tal-figura li qisha l-qamħirrum misjur tagħti x'tifhem li jaf hija proprja tal-alla tal-qamħirrum. Ir-riċerkaturi jassumu li l-abitanti Maja ta' Palenque x'aktarx poġġew statwetta kbira tal-ġebel fuq għadira biex jirrappreżentaw id-daħla lejn id-dinja ta' wara l-mewt. Skont l-arkeologu Arnoldo González Cruz, il-poplu tal-Maja simbolikament għalqu l-għadira billi kissru ftit mill-ġibs u poġġew fdalijiet tal-annimali, inkluż frammenti tal-fuħħar, fdalijiet tal-għadam imnaqqxa, qxur, ponot tal-vleġeġ tal-ossidjana, żibeġ, ħxejjex u oħrajn.[21][22]

Park Nazzjonali ta' Palenque

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Palenque ġie ddeżinjat fl-1981 mill-gvern Messikan. Ikopri erja ta' 17.72 km2, li tinkorpora l-belt antika u l-għoljiet fin-Nofsinhar. Il-park jinkludi sit ta' kampeġġi għall-familja.[23]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Berlin, Heinrich (1963). The Palenque Triad. Journal de la Société des Américanistes, n.s. 5(52):91–99. Paris.
  • Carrasco, Michael D. (2005). The Mask Flange Iconographic Complex [electronic resource]: The Art, Ritual, and History of a Maya Sacred Image. Doctoral dissertation, The University of Texas at Austin. Available electronically from http://hdl.handle.net/2152/1027.
  • Carrasco, Michael D. and Kerry Hull (2002). The Cosmogonic Symbolism of the Corbeled Vault in Maya Architecture. Mexicon Volume XXIV, No. 2, April.
  • Fields, Virginia M. (1991). Iconographic heritage of the Maya Jester God. In Sixth Palenque Round Table, 1986. Virginia M. Fields, ed. pp. 167–174 Palenque Round Table (6 session, 1986) University of Oklahoma Press Norman.
  • Freidel, David and Barbara Macleod (2000). "Creation Redux: new thoughts on Maya cosmology from epigraphy, iconography, and archaeology". PARI Journal 1(2):1–8, 18.
  • Guenter, Stanley (n.d.). "The Tomb of K'inich Janaab Pakal: The Temple of the Inscriptions at Palenque" (PDF). Mesoweb Articles. Mesoweb. Retrieved 2008-02-04.
  • Houston, Stephen (1996) Symbolic Sweatbaths of the Maya: Architectural Meaning in the Cross Group at Palenque, Mexico. Latin American Antiquity, 7(2), pp. 132–151.
  • Kelley, David (1965). "The Birth of the Gods at Palenque". In Estudios de Cultura Maya 5, 93–134. México: Universidad Nacional Autónoma de Mexico.
  • Lounsbury, Floyd G. (1976). "A Rationale for the Initial Date of the Temple of the Cross at Palenque". In The Art, Iconography, and Dynastic History of Palenque, Part III: Proceedings of the Segunda Mesa Redonda de Palenque, ed. Merle Greene Robertson, 211-224.Pebble Beach, Ca.: Robert Louis Stevenson School.
  • Lounsbury, Floyd G. (1980). "Some Problems in the Interpretation of the Mythological Portion of the Hieroglyphic Text of the temple of the Cross at Palenque". In The Third Palenque Round Table, 1978, Part 2, ed. Merle Greene Robertson, 99-115. Palenque Round Table Series Vol. 5. Austin: University of Texas Press.
  • Lounsbury, Floyd G. (1985). "The Identities of the Mythological Figures in the 'Cross Group' of Inscriptions at Palenque". In Fourth Round Table of Palenque, 1980, vol. 6, gen. ed. Merle Greene Robertson; vol. ed., Elizabeth P. Benson, 45-58. San Francisco: Pre-Columbian Art Research Institute.
  • Martin, Simon; Nikolai Grube (2000). Chronicle of the Maya Kings and Queens: Deciphering the Dynasties of the Ancient Maya. London and New York: Thames & Hudson. ISBN 0-500-05103-8. OCLC 47358325.
  • Martin, Simon; Nikolai Grube (2008). Chronicle of the Maya Kings and Queens: Deciphering the Dynasties of the Ancient Maya (2nd ed.). London and New York: Thames & Hudson. ISBN 9780500287262. OCLC 191753193.
  • Mesoweb. "Muwaan Mat". Mesoweb Encyclopedia. Archived from the original on 4 March 2016. Retrieved 29 April 2009.
  • Rands, Robert L. and Barbara C. Rands (1959) The Incensario Complex of Palenque, Chiapas. American Antiquity, 25 (2):225–236.
  • Rands, Robert L., Ronald L. Bishop, and Garman Harbottle (1979). "Thematic and Compositional Variation in Palenque Region Incensarios". In Tercera Mesa Redonda de Palenque, Vol. IV, edited Merle Greene Robertson and Donnan C. Jeffers, 19–30. Palenque: Pre-Columbian Art Research, and Monterey: Herald Printers.
  • Ringle, William M.; Thomas C. Smith-Stark (1996). A Concordance to the Inscriptions of Palenque, Chiapas, Mexico. MARI Publications, no. 62. New Orleans, Louisiana: Middle American Research Institute, Tulane University. ISBN 0-939238-93-4. OCLC 25630088.
  • Robertson, Merle Greene (1991). The Sculpture of Palenque Vol. IV. Princeton University Press, Princeton.
  • Ruz, Alberto Lhuillier (1958). Exploraciones arqueológicas en Palenque: 1953. Anales del Instituto Nacional de AntropologÌa e Historia. Vol. 10(39):69–116. Mexico.
  • Sáenz, César A. (1956) Exploraciones en la Pirámide de la Cruz Foliada. Informe 5. Dirección de Monumentos Prehispánicos. Instituto Nacional de AntropologÌa e Historia, Mexico.
  • Scarre, Chris (1999) The Seventy Wonders of the Ancient World. Thames and Hudson.
  • Schele, Linda (1976), Accession Iconography of Chan-Bahlum in the Group of the Cross at Palenque. In The Art, Iconography, and Dynastic History of Palenque, Part III. Proceedings of the Segunda Mesa Redonda de Palenque, ed. Merle Greene Robertson, 9–34. Pebble Beach, Ca.: Robert Luis Stevenson School.
  • Schele, Linda (1979), Genealogical Documentation in the Tri-Figure Panels at Palenque. In Tercera Mesa Redonda de Palenque, Vol. IV, edited Merle Greene Robertson, 41–70. Palenque: Pre-Columbian Art Research, and Monterey: Herald Printers.
  • Schele, Linda (1985), "Some Suggested Readings of the Event and Office of Heir-Designate at Palenque". In Phoneticism in Mayan Hieroglyphic Writing, 287–307. Albany: Institute of Mesoamerican Studies, State University of New York at Albany.
  • Schele, Linda (1986), "Architectural Development and Political History at Palenque". In City-States of the Maya: Art and Architecture, edited Elizabeth P. Benson, 110-138. Denver: Rocky Mountain Institute for Pre-Columbian Studies.
  • Schele, Linda (1992), Notebook for the XVIth Maya Hieroglyphic Writing Workshop at Texas. Austin, Texas: University of Texas at Austin.
  • Schele, Linda; David Freidel (1990). A Forest of Kings: The Untold Story of the Ancient Maya. New York: William Morrow. ISBN 0-688-07456-1. OCLC 21295769.
  • Skidmore, Joel (2010). The Rulers of Palenque (PDF) (Fifth ed.). Mesoweb Publications. Retrieved 12 October 2015.
  • Stuart, David (2005) The Inscriptions from Temple XIX at Palenque. Pre-Columbian Art Research Institute. ISBN 0-934051-10-0
  • Stuart, David and Stephen Houston (1994) Classic Maya Place Names Studies. Pre-Columbian Art and Archaeology, 33. Washington, D.C.: Dumbarton Oaks Research Library and Collection.
  • Archaeology of Native North America, 2010, Dean R. Snow, Prentice-Hall, New York.
  • Robert Sharer (1983) "The Ancient Maya" Stanford, California: Stanford University.
  1. ^ Stuart, David; Houston, Stephen D. (1994). Classic Maya Place Names. Dumbarton Oaks. pp. 30–31. ISBN 978-0-88402-209-1.
  2. ^ Liendo-Stuardo, Rodrigo (2020). "Lakamha: The Place of "Big Waters" | The archaeology of the ancient city of Palenque, Mexico". In Hutson, Scott R.; Ardren, Traci (eds.). The Maya World. Routledge. p. 369. ISBN 978-1-351-02956-8.
  3. ^ a b "Palenque". web.archive.org. 2004-01-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-06. Miġbur 2022-08-15.
  4. ^ "Estadística de Visitantes". web.archive.org. 2012-07-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-07-08. Miġbur 2022-08-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Martin u Grube 2000.
  6. ^ Berlin 1959, 1965, 1968.
  7. ^ Mathews u Schele 1974.
  8. ^ Schele u Freidel 1990; Martin u Grube 2000.
  9. ^ Berlin 1963; Wald [Schele] 1999; Freidel et al. 1993; Freidel u Macleod 2000; Stuart 2005: Kapitlu 6
  10. ^ Stuart 1998.
  11. ^ Martin & Grube 2008, pp. 155–176.
  12. ^ Skidmore 2010, pp. 2–91.
  13. ^ Snow, Dean R (2010). Archaeology in North America. Prentice Hall. pp. 165–166.
  14. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Pre-Hispanic City and National Park of Palenque". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15.
  15. ^ Schele and Mathews 1998:97–99.
  16. ^ Berlin 1963; Schele and Mathews 1998: 106; Carrasco 2005: 433.
  17. ^ Scarre 1999.
  18. ^ Schele and Mathews 1998: 115.
  19. ^ Bassie 1991.
  20. ^ "Penn State Live - Maya plumbing, first pressurized water feature found in New World". web.archive.org. 2013-02-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-02-08. Miġbur 2022-08-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ Magazine, Smithsonian; Kuta, Sarah. "1,300-Year-Old Corn God Statue Shows How the Maya Worshipped Maize". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15.
  22. ^ "Sculpted head of Mayan maize god uncovered in Mexico". The Jerusalem Post | JPost.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15.
  23. ^ "Protected Planet | Palenque". Protected Planet. Miġbur 2022-08-15.