Mbanza Kongo
Mbanza Kongo | ||
---|---|---|
Angola | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Stat sovran | Angola | |
Province of Angola | Provinċja ta' Zaire | |
Isem uffiċjali | M'banza-Kongo | |
Ismijiet oriġinali | M'banza-Kongo | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 6°16′S 14°15′E / 6.27°S 14.25°EKoordinati: 6°16′S 14°15′E / 6.27°S 14.25°E | |
Superfiċjenti | 0.622 kilometru kwadru | |
Għoli | 408 m | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 148,000 abitanti (2014) | |
Informazzjoni oħra | ||
bliet ġemellati | Rio de Janeiro |
Mbanza Kongo, spelluta wkoll M'banza-Kongo (pronunzjata: [ɐ̃ˈbɐ̃zɐ], [ĩˈbɐ̃zɐ], [mɨˈβɐ̃zɐ] jew [miˈβɐ̃zɐ ˈkõɡu] u magħrufa bħala São Salvador bil-Portugiż mill-1570 sal-1976; bil-Kongo: Mbânza Kôngo), hija l-belt kapitali tal-Provinċja ta' Zaire[1][2] fil-Majjistral tal-Angola b'popolazzjoni ta' 148,000 ruħ fl-2014.[3] M'banza Kongo kienet il-belt kapitali tar-Renju tal-Kongo mill-istabbiliment tagħha qabel il-wasla tal-Portugiżi fl-1483 sal-abolizzjoni tar-renju fl-1915, apparti perjodu qasir ta' abbandun matul il-gwerer ċivili fis-seklu 17. Fl-2017, M'banza Kongo tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4][5]
Mbanza-Kongo tinsab qrib il-fruntiera tal-Angola mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Tinsab fil-koordinati 6°16′0″S 14°15′0″E fil-quċċata ċatta ta' muntanja impressjonanti, li xi kultant tissejjaħ Mongo a Kaila (muntanja tad-diviżjoni) minħabba li leġġendi reċenti jfakkru li r-re ħoloq il-klans tar-renju u bagħathom minn hemmhekk. Fil-wied fin-Nofsinhar tnixxi x-xmara Luezi.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Mbanza-Kongo (li qabel kienet tissejjaħ Nkumba a Ngudi, Mongo wa Kaila u Kongo dia Ngunga)[6][7] ġiet stabbilita mill-ewwel manikongo, Lukeni, f'salib it-toroq kummerċjali ewlenin.[8] Ir-Renju tal-Kongo fil-quċċata tiegħu kien estiż mill-kosta tal-Atlantiku tan-Nofsinhar tal-Afrika sax-xmara Nkisi. Il-Manikongo kien jintgħażel mill-mexxejja tal-klan biex jirrenja fuq xi 300 mil kwadru, territorju li llum il-ġurnata huwa parti minn diversi pajjiżi. Il-Portugiżi li waslu l-ewwel hemmhekk fl-1491 ivvjaġġaw għal għaxart ijiem biex jaslu hemm minn ħalq ix-xmara Kongo.[9]
L-iżjed rejiet bikrin iddokumentati kienu jirreferu għall-belt tagħhom fil-korrispondenzi tagħhom bħala "l-belt tal-Kongo" (bil-Portugiż: cidade do Congo), u isem il-belt bħala São Salvador jidher għall-ewwel darba fl-ittri ta' Álvaro I tal-Kongo (1568-1587) u baqa' jintuża mis-suċċessuri tiegħu.
Meta l-Portugiżi waslu fil-Kongo, Mbanza Kongo diġà kienet belt kbira, x'aktarx l-ikbar fl-Afrika subekwatorjali, u ittra mill-ambaxxatur Portugiż għal Liżbona qabblet id-daqs tal-belt (fi ħdan is-swar ta' ġewwa) ma' dak tal-belt Portugiża ta' Évora.[10]
Sas-snin 50 tas-seklu 16, Mbanza-Kongo ospitat komunità ta' kummerċjanti Portugiżi u missjunarji Ġiżwiti li kkonfoffaw bejniethom f'tentattiv li jegħlbu l-manikongo Diogo I Nkumbi a Mpudi.[11]
Fl-1568 il-manikongo Alvaro I tkeċċa minn Mbanza-Kongo mill-invażur Jagas, li seraq ir-rikkezzi tal-belt. Alvaro rnexxielu jerġa' jieħu r-riedni tal-belt f'idejh bl-għajnuna militari tal-Portugiżi, iżda kellu jċedilhom Luanda, is-sors tal-munita nzimbu li kienet tintuża fir-renju, bħala ħlas.[12]
Matul ir-renju ta' Afonso II, żdiedu binjiet tal-ġebel, inkluż palazz u diversi knejjes. Mbanza-Kongo kibret b'mod sostanzjali filwaqt li r-Renju tal-Kongo espanda u kiber ukoll. Stqarrija ekkleżjastika tas-snin 30 tas-seklu 17 sostniet li fil-belt u fil-periferiji (x'aktarx fil-widien ta' madwarha) tagħha twettqu 4,000-5,000 magħmudija, li hija ċifra konsistenti mal-popolazzjoni kumplessiva ta' 100,000 ruħ. Minn din il-popolazzjoni, x'aktarx 30,000 ruħ għexu fuq il-muntanja u l-kumplament fil-widien madwar il-belt. Fost il-binjiet importanti tagħha kien hemm xi tnax-il knisja, inkluż dik ta' São Salvador, kif ukoll kappelli u oratorji privati u palazz irjali impressjonanti ta' żewġ sulari, li kien l-unika binja simili fir-Renju tal-Kongo kollu, skont il-viżitatur Giovanni Francesco da Roma (1648).
Ir-rikkezzi tal-belt insterqu diversi drabi matul il-gwerer ċivili ta' wara l-Battalja ta' Mbwila (jew Ulanga) fl-1665, u l-belt ġiet abbandunata fl-1678. Ġiet okkupata mill-ġdid fl-1705 mis-segwaċi ta' Dona Beatriz Kimpa Vita u ġiet restawrata bħala l-belt kapitali tar-Renju tal-Kongo mir-Re Pedro IV tal-Kongo fl-1709. Qatt ma reġgħet spiċċat mingħajr popolazzjoni għalkemm il-popolazzjoni tagħha varjat b'mod sostanzjali matul is-sekli 18 u 19.[13]
Isem il-belt reġa' nbidel għal "Belt tal-Kongo" (Mbanza Kongo) ftit wara l-indipendenza tal-Angola.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Mbanza Kongo, il-Fdalijiet tal-Belt Kapitali tal-eks Renju tal-Kongo, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]M'banza-Kongo għandha klima tropikali tas-savanna (Aw skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), simili għal dik ta' Kinshasa jew Pointe-Noire, ikkaratterizzata minn staġun tax-xita pjuttost twil iżda mhux qalil minn Ottubru sa Mejju, u minn staġun tan-nixfa relattivament qasir iżda kważi mingħajr xita minn Ġunju sa Settembru kkawżat mill-influwenza qawwija tal-Kurrent kiesaħ ta' Benguela matul dan il-perjodu.
Data klimatika għal M'banza-Kongo (1920-1952) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 33.5
(92.3) |
37.0
(98.6) |
37.7
(99.9) |
35.5
(95.9) |
35.0
(95.0) |
32.5
(90.5) |
35.0
(95.0) |
32.5
(90.5) |
32.0
(89.6) |
35.0
(95.0) |
36.0
(96.8) |
32.5
(90.5) |
37.7
(99.9) |
Temp. għolja medja ta' kuljum f'°C (°F) | 28.1
(82.6) |
28.7
(83.7) |
29.5
(85.1) |
28.9
(84.0) |
28.2
(82.8) |
26.5
(79.7) |
24.6
(76.3) |
24.6
(76.3) |
26.0
(78.8) |
27.4
(81.3) |
28.0
(82.4) |
27.7
(81.9) |
27.4
(81.3) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 24.2
(75.6) |
24.6
(76.3) |
25.0
(77.0) |
24.7
(76.5) |
24.0
(75.2) |
22.0
(71.6) |
20.2
(68.4) |
20.2
(68.4) |
21.6
(70.9) |
23.4
(74.1) |
24.0
(75.2) |
23.9
(75.0) |
23.2
(73.8) |
Temp. baxxa medja ta' kuljum f'°C (°F) | 20.2
(68.4) |
20.5
(68.9) |
20.4
(68.7) |
20.5
(68.9) |
19.8
(67.6) |
17.5
(63.5) |
15.8
(60.4) |
15.8
(60.4) |
17.3
(63.1) |
19.3
(66.7) |
20.0
(68.0) |
20.1
(68.2) |
18.9
(66.0) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | 16.5
(61.7) |
17.1
(62.8) |
16.7
(62.1) |
17.2
(63.0) |
14.9
(58.8) |
13.0
(55.4) |
12.0
(53.6) |
12.3
(54.1) |
13.3
(55.9) |
16.4
(61.5) |
17.0
(62.6) |
16.5
(61.7) |
12.0
(53.6) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 139
(5.5) |
133
(5.2) |
175
(6.9) |
255
(10.0) |
156
(6.1) |
2
(0.1) |
0
(0) |
4
(0.2) |
8
(0.3) |
80
(3.1) |
167
(6.6) |
183
(7.2) |
1,299
(51.1) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) | 9 | 7 | 10 | 15 | 10 | 1 | 0 | 1 | 1 | 7 | 13 | 12 | 86 |
Sors: Deutscher Wetterdienst[14] |
Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]M'banza Kongo hija magħrufa għall-fdalijiet tal-Katidral tagħha tas-Salvatur Imqaddes tal-Kongo (li nbena fl-1491), li bosta ċittadini tal-Angola jsostnu li huwa l-eqdem knisja fl-Afrika sub-Saħarjana. Il-knisja attwali, magħrufa bħala ta' São Salvador, u lokalment bħala nkulumbimbi, issa jingħad li nbniet mill-anġli f'lejla. Ġiet elevata għall-istatus ta' katidral fl-1596. Il-Papa Ġwanni Pawlu II żar is-sit matul iż-żjara tiegħu tal-Angola fl-1992.
Sit interessanti ieħor ta' importanza storika huwa l-mafkar ta' omm ir-Re Afonso I qrib l-ajruport, li jfakkar leġġenda popolari li bdiet fis-snin 80 tas-seklu 17 li r-re kien difen lil ommu ħajja minħabba li ma kinitx lesta tneħħi "idolu" li kienet tilbes ma' għonqha.
Siti importanti oħra jinkludu l-Jalankuwo, is-siġra tal-ġudizzju tal-Manikongo, li għadha preżenti fiċ-ċentru tal-belt, flimkien mas-sunguilu, struttura rettangolari b'pjan terran fejn skont it-tradizzjoni lokali jingħad li ġisem ir-re kien inħasel qabel ma ndifen. Iż-żewġ siti jinsabu fl-artijiet tal-palazz irjali u l-Mużew Irjali attwali.
Il-Mużew Irjali, li dan l-aħħar inbena mill-ġdid bħala struttura moderna, jospita kollezzjoni impressjonanti ta' artefatti mir-renju l-antik, minkejja li bosta ntilfu mill-binja preċedenti matul il-Gwerra Ċivili tal-1976-2002.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ ""M'Banza Kongo: The first Christian African city south of the Equator"". macaomagazine.net (bl-Ingliż). 2023.
- ^ Sean Sheehan; Jui Lin Yong; Yong Jui Lin (Jannar 2010). Angola. Marshall Cavendish. pp. 136–. ISBN 978-0-7614-4845-7.
- ^ "Angola: Provinces, Major Cities, Urban Localities & Urban Agglomerations - Population Statistics, Maps, Charts, Weather and Web Information". www.citypopulation.de. Miġbur 2024-01-19.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Mbanza Kongo, Vestiges of the Capital of the former Kingdom of Kongo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-19.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Three sites in Angola, Eritrea and South Africa added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-19.
- ^ William Graham Lister Randles, L’ancien royaume du Congo des origines à la fin du XIXe siècle, Éditions de l’École des hautes études en sciences sociales, 2013, p. 15 (bil-Franċiż).
- ^ Marie-Claude Dupré and Bruno Pinçon, Métallurgie et politique en Afrique centrale: deux mille ans de vestiges sur les plateaux batéké Gabon, Congo, Zaïre, KARTHALA Editions, 1997, p. 198 (bil-Franċiż).
- ^ Green, Toby (2020). A Fistful of Shells. Ir-Renju Unit: Penguin Books. p. 202.
- ^ Adam Hochschild (1998). King Leopold's Ghost. Houghton Mifflin. p. 8.
- ^ Pedro, Dom V. (22 December 2011). The Quantum Vision of Simon Kimbangu: Kintuadi in 3D. ISBN 9781469140360.
- ^ Green, Toby (2020). A Fistful of Shells. Ir-Renju Unit: Penguin Books. p. 217.
- ^ Green, Toby (2020). A Fistful of Shells. Ir-Renju Unit: Penguin Books. p. 218.
- ^ Green, Toby (2020). A Fistful of Shells. Ir-Renju Unit: Penguin Books. p. 256.
- ^ "Deutscher Wetterdienst" (PDF).