Jum il-Vitorja
Jum il-Vitorja jew Otto Settembre hija festa pubblika ċċelebrata f'Malta nhar it-8 ta' Settembru u li tfakkar il-ġrajja ta' żewġ assedji li saru fuq il-gżejjer Maltin. Din il-ġurnata taħbat ukoll mal-kommemorazzjoni tat-twelid tal-Verġni Marija, magħrufa aħjar bħala l-Bambina, festa li tiġi ċċelebrata fil-belt tal-Isla, u l-irħula tan-Naxxar u l-Mellieħa f'Malta, u x-Xagħra f'Għawdex.
Ġrajjiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artikli: Assedju ta' Malta (1565) u Assedju ta' Malta (1940).
Fl-1565, wara iktar minn tliet xhur assedju, l-Ottomani li kienu qed jassedjaw lill-Birgu u lill-Isla rtiraw u telqu minn dik ix-xaqliba tal-gżira. Anki jekk il-battalji ma kinux spiċċaw, għax kien għad fadal battalja għan-naħat ta' San Pawl il-Baħar, jista' jingħad li dan kien l-aħħar jum tal-Assedju l-Kbir, deskritt bħala fost l-iktar wieħed imdemmi fl-istorja tad-dinja u l-ikbar assedju fl-istorja ta' Malta. Jum qabel it-8 ta' Settembru, fis-7 ta' Settembru, wasal il-Gran Soccorso, l-għajnuna minn Sqallija għal Malta, dan kien daqqa ta' ħarta għat-Torok.
Fl-1943, l-Italja kienet irtirat mit-Tieni Gwerra Dinjija, u daret kontra l-Ġermanja, li preċedentement kienet alleata tagħha. Dan wassal għat-twaqqif tal-bumbardamenti min-naħa tat-Taljani fuq Malta, u t-tmiem tal-gwerra għall-Maltin.
Attivitajiet
[immodifika | immodifika s-sors]Matul dan il-jum isiru diversi avvenimenti, minbarra l-attivitajiet li jsiru matul il-festi. L-attivitajiet jibdew ġurnata qabel b'attività kulturali li ssir f'Misraħ l-Assedju fil-Belt, li tinkludi qari letterarju, mużika u wirjiet artistiċi.
Fil-Belt Valletta, fi Triq ir-Repubbblika, issir parata min-naħa tal-Forzi Armati ta' Malta li tgħaddi sakemm tasal quddiem il-Kon-Katidral ta' San Ġwann. Fil-post jingħata salut lill-Prim Ministru ta' Malta filwaqt li jindaqq l-Innu Malti. Aktar tard issir quddiesa pontifikali bil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-Pajjiż. F'din il-ġurnata titqiegħed ukoll kuruna min-naħa tal-President ta' Malta fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir.
Wara nofsinhar issir ir-Regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir li hi organizzata mill-Kunsill Malti għall-Isport. Fiha jieħdu sehem is-soċjetatijiet affiljati ta' Bormla, Birgu, Birżebbuġa, il-Marsa, Marsamxett, il-Kalkara, l-Isla u Ħal Qormi f'numru ta' tiġrijiet bid-dgħajjes imqassim f'żewġ kategoriji, bil-klabb rebbieħ jieħu x-shield.
Fil-gżira ta' Għawdex, iċ-ċelebrazzjonijiet jinkludu serata kommemorattiva li ssir fi Pjazza Indipendenza, fir-Rabat, preseduta mill-Ministru għal Għawdex. Matul din l-istess serata, minbarra servizz mill-banda tal-Forzi Armati, jitqiegħdu kuruni fuq il-Monument tal-gwerra Kristu Re.