[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Forti ta' Bahla

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Forti ta' Bahla

Il-Forti ta' Bahla (bl-Għarbi: قلعة بهلاء‎; traslitterat: Qal'at Bahla) huwa wieħed minn erba' fortijiet storiċi (flimkien ma' dawk ta' Nizwa, Rustaq u Izki[1]) li jinsabu taħt il-muntanji ta' Hajar Al Gharbiyah u l-Jebel Akhdar fl-Oman u l-uniku forti fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji mill-Oman li ġie miżjud fl-1987.[2]

Il-forti x'aktarx li nbena bejn is-sekli 12 u 15 mit-tribù ta' Banu Nebhan li kienet tgħix fiż-żona dak iż-żmien u kienet magħrufa għall-kummerċ tal-frankinċens. Flimkien mal-Forti ta' Bahla, hemm il-fdalijiet ta' ċittadella biswit oasi tat-tamal u tal-għelieqi bl-għelejjel u bil-frott, kif ukoll fdalijiet ta' ħajt antik ta' xi 13-il kilometru li kien jiddefendi ċ-ċittadella flimkien mal-forti.

Id-daħla Bab A'Sabah

Iċ-ċittadella biswit oasi tant kienet tinsab f'pożizzjoni strateġika mħarsa mill-muntanji u mill-fortifikazzjonijiet, li matul id-dinastija tal-kaliffat tal-Abbasidi, li Bahla kienet is-sede tal-gvernatur tal-Oman. Il-forti kien jintuża bħala r-residenza tal-gvernatur u bħala l-kwartieri ġenerali tal-gwardjani tiegħu. Matul perjodi differenti fl-istorja, saru diversi żidiet ta' binjiet u modifiki fil-forti.

Instabu numru ta' artefatti li jmorru lura għall-Żmien il-Bronż fl-Oman, meta l-pajjiż kien magħruf bħala Magan. Barra minn hekk, il-pajjiż dak iż-żmien kien famuż għall-produzzjoni tar-ram u kellu rabtiet kummerċjali stabbilit ferm maċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Mesopotamja, ta' Dilmun u tal-Indù. Kien anke żmien meta l-agrikoltura fl-oasi kienet qabdet sew.[1]

Peress li l-forti nbena bil-brikks magħmula bit-tajn u bit-tiben, l-erożjoni u ż-żmien ma damux wisq biex jagħmlu l-ħsara. Għalhekk, minħabba l-istat tiegħu, il-forti tqiegħed fil-Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Periklu fl-1988[3], sena wara li ddaħħal fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji, sabiex isiru xi xogħlijiet ta' restawr mill-iktar fis. Madankollu, l-ewwel xogħlijiet ta' restawr kien kontroversjali ferm.

Il-forti fih tliet partijiet ewlenin: Al-Qasabah, l-iktar parti antika tal-forti b'influwenzi mis-Sassanidi; Bait al-Hadith jew ‘dar ġdida' li nbniet mid-dinastrija Ya'riba (1624-1743); u Bait Al-Jabal li nbniet fis-seklu 18. Id-daħla prinċipali hija Bab A'Sabah.

Il-forti fih tliet karatteristiċi difensivi ewlenin li kienu jintużaw fil-fortifikazzjonijiet tad-deżert: it-toqob tal-mewt fuq id-daħla, li minnhom is-suldati jew il-popolin kienu jferrgħu ġulepp jagħli tad-dibs (ġulepp tat-tamal) fuq kull min kien jipprova jinvadi l-forti; il-bokkaporti moħbija eżatt wara l-bibien jew bejn tarġa u oħra, bi bjar fondi taħthom; u toqob fil-ħitan li minnhom setgħu jiddaħħlu s-snieter biex jisparaw minnhom u fl-istess ħin il-ħajt jilqalhom it-tiri mill-għadu. L-iktar struttura għolja fil-forti hija Burj A'Rih (it-torri tar-riħ). Dan it-torri kien joffri veduta panoramika tal-oasi kollha mdawra bil-muntanji u minnu l-għassiesa setgħu jilmħu mill-bogħod xi attakk potenzjali.[4]

Il-Forti ta' Bahla qabel ir-restawr tal-1995

Biswit il-forti hemm ukoll moskea antika b'karatteristiċi Iżlamiċi dekorattivi, iskrizzjonijiet u inċiżjonijiet fuq il-ħitan imkaħħal bil-ġibs.

L-ewwel xogħlijiet ta' restawr fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20 kienu kontroversjali ferm minħabba li ntuża tkaħħil bil-konkoż minflok it-tkaħħil tradizzjonali bit-tajn u bit-tiben imsejjaħ juss.

Jingħad li t-tentattiv ta' preservazzjoni tal-1995 kien saħansitra rinnovazzjoni iktar milli restawr u partijiet mill-forti ġew jidhru qishom xi kostruzzjoni ġdida. Biex tkompli tgħaxxaq, ir-rinnovazzjoni bdiet mingħajr ma sar stħarriġ arkeoloġiku, topografiku, arkitetturali jew tekniku.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Forti ta' Bahla sar Sit ta' Wirt Dinji fl-1987 abbażi tal-kriterju (iv) tal-għażla tal-UNESCO: "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem". Dan għaliex il-Forti ta' Bahla u l-insedjament fl-oasi ta' Bahla huma eżempju straordinarju ta' kumpless arkitetturali difensiv li permezz tiegħu tribù dominanti rnexxielha tikseb il-prosperità fl-Oman u fil-Peniżola Għarbija matul il-perjodu Medjevali Iżlamiku.[1]

  1. ^ a b ċ "Bahla Fort" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre. Miġbur 2021-02-28.
  2. ^ "Visiting Bahla Fort, Oman's only UNESCO fort" (bl-Ingliż). Once In A Lifetime Journey. 2018-01-11. Miġbur 2021-02-28.
  3. ^ "Angkor Among the three Properties Removed from Unesco's List of World Heritage in Danger" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre. Miġbur 2021-02-28.
  4. ^ Walsh, Tony. Walking Through History: Oman's World Heritage Sites (bl-Ingliż). Al Roya Press. pp. 4–23. ISBN 9948162498.
  5. ^ "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 2018) Bahla Fort (Oman)" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre. Miġbur 2021-02-28.