[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Denis Law

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Denis Law

Denis Law fl-2011
Informazzjoni personali
Isem sħiħDenis Law
Twelid24 ta' Frar 1940 (1940-02-24) (84 sena)
Aberdeen, Skozja
Tul1.75 m
RwolAttakkant
Mixtliet
1955–1956Huddersfield Town
Karriera professjonali
SninKlabb
1956–1960Huddersfield Town
1960–1961Manchester City
1961–1962Torino
1962–1973Manchester United
1973–1974Manchester City
Tim nazzjonali
1958–1974Skozja

Denis Law (twieled fl-24 ta' Frar 1940) huwa eks-plejer tal-futbol Skoċċiż li gawda bejn is-snin ħamsin u sebgħin karriera twila ta' suċċess bħala attakkant.

Il-karriera ta' Law bħala plejer bdiet fit-Tieni Diviżjoni mat-tim ta' Huddersfield Town fl-1956. Wara erba' snin ma' Huddersfield, Manchester City xtrawh għas-somma rekord ta' £55,000. Law qatta' sena qabel mat-tim Taljan ta' Torino Calcio kisbu l-firma tiegħu għal £110,000, fejn din id-darba nkiser rekord ġdid għal trasferiment bejn klabb Ingliż u dak Taljan. Minkejja li lagħab tajjeb fl-Italja, hu sabha diffiċli biex jissetilja u fl-1962 Manchester United xtrawh għal somma oħra rekord ta' £115,000.

Hu hu l-aktar magħruf għall-ħdax-il sena li qatta' ma' United, fejn skorja 237 gowl f'409 logħba u kien imlaqqam bħala The King (Ir-Re)[1] mill-partitarji. Denis Law hu l-uniku plejer Skoċċiż fl-istorja li qatt rebaħ l-unur prestiġjuż tal-Plejer Ewropew tas-Sena fl-1964, u għen lit-tim jirbaħ l-Ewwel Diviżjoni fl-1965 u fl-1967. Law ħalla lil Manchester United fl-1973 fejn minn hemmek reġa' rritorna ma' Manchester City għal staġun wieħed, u wara rrapreżenta lill-Iskozja fit-Tazza tad-Dinja 1974. Law lagħab 55 logħba mal-Iskozja u jżomm ir-rekord tal-aktar gowls skurjati mat-tim nazzjonali Skoċċiż.[2] Law hu wkoll it-tieni l-aqwa skorer ta' United ta' kull żmien wara Bobby Charlton, waqt li jżomm rekord ma' United talli skorja 46 gowl fi staġun wieħed.

Denis kien it-tifel ta' George Law, sajjied, u l-marta tiegħu Robina, u kien l-iżgħar fost sebat itfal. Il-familja Law kienu waħda fqira, fejn kienu jgħixu f'appartament tal-kunsill f'Aberdeen, u l-ewwel par ta' żarbun tal-futbol ġew mogħtija lilu minn ġar.

Meta kien żgħir kien partitarju tal-Aberdeen Football Club u meta kien ikollu l-flus kien iħobbu jarahom, waqt li meta ma kienx ikollu kien jara timijiet lokali li mhuma f'ebda kampjonat. L-ossessjoni lejn il-futbol waslitu biex jirrifjuta li jattenda l-Aberdeen Grammar School, minħabba li hemmhekk kellu jilgħab ir-rugbi minflok. Hu minflok attenda l-Powis Academy (li llum hi s-St. Machar Academy) f'Aberdeen stess. Minkejja li kien ibati minn strabiżmu serju, hu wera li kellu talent promettenti meta ġie mmexxi minn difensur fuq il-faxxi għal pożizzjoni aktar offensiva, u kien fost il-magħżulin tal-istudenti skolastiċi tal-Iskozja.

Huddersfield Town

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-istaġun 1954–55, Archie Beattie li kien jaħdem f'isem Huddersfield Town, intebaħ bit-talent ta' Law u stiednu biex jagħmel prova għal mal-iskwadra. Meta wasal hemmhekk, il-kowċ stqarr, "Dan it-tfajjel huwa kapriċċ. Qatt ma rajt prospett tal-futbol inqas probabbli minn dan — dgħajjef, qasir u bin-nuċċali." Madanakollu, b'sorpriża kbira, huma kisbu l-firma tiegħu nhar it-3 ta' April 1955. Meta kien f'Huddersfield, hu għamel operazzjoni biex jikkoreġi l-istrabiżmu li kellu, li għenitu aktar biex jiżviluppa l-kunfidenza fih innifsu.[3]

Ir-relegazzjoni ta' Huddersfield għat-Tieni Diviżjoni tat aktar ċans lil Law biex jilgħab logħba, u ddebutta fl-24 ta' Diċembru 1956, fl-età ta' sittax-il sena biss, fir-rebħa ta' 2–0 fuq Notts County. Il-kowċ ta' Manchester United, Matt Busby, offra lil Huddersfield somma ta' £10,000 għal Law, somma sostanzjali għal plejer f'dak iż-żmien, imma l-klabb irrifjutaha. Hu ma ntgħażilx biex jilgħab mal-Iskozja fit-Tazza tad-Dinja 1958, imma skorja fid-debutt tiegħu kontra Wales nhar it-18 ta' Ottubru 1958 u mal-ewwel stabilixxa ruħu mal-ewwel ħdax. Bill Shankly, li kien kowċ ta' Huddersfield bejn l-1957 u l-1959, meta mar biex jieħu f'idejh lit-tim ta' Liverpool xtaq li jġib lil Law miegħu, però Lierpool f'dak il-mument ma kinux jaffordjawh.[4]

Manchester City

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Marzu tal-1960, Law iffirma għal Manchester City għal somma rekord ta' £55,000, minkejja li l-parti mis-somma ta' Law kienet "prattikament xejn".[5] Minkejja li tim mill-Ewwel Diviżjoni, City għal ftit evitat ir-relegazzjoni l-istaġun preċedenti, u ġenwinament Law ħass li f'dak il-mument Huddersfield kellhom tim aqwa.[6] Law iddebutta fid-19 ta' Marzu, meta skorja fit-telfa ta' 4–3 kontra Leeds United. F'April 1961, hu skorja żewġ gowls fir-rebħa ta' 4–1 fuq Aston Villa, rebħa li assigurat is-salvazzjoni ta' City fl-Ewwel Diviżjoni.

Minkejja li kien qed jaħseb biex jitlaq,[7] hu kien qed jilgħab tajjeb u fl-1961 Law skorja sitt gowls f'logħba tal-FA Cup kontra Luton Town. Sfortunatament, il-partita spiċċat abbandunata meta kien għad baqa' għoxrin minuta, u b'hekk is-sitt gowls tiegħu ma kinux jgħoddu. Biex tkompli tgħaxxaqha, Luton rebħu l-konfront suċċessiv bl-iskor ta' 3–1, u City spiċċaw barra mill-kompetizzjoni.[8]

Fil-partita internazzjonali tal-Iskozja kontra l-Ingilterra li ntlagħbet fil-15 ta' April 1961, hu lagħab però ma rnexxielux jiskorja. Skozja spiċċaw jitilfu bl-iskor umiljanti ta' 9–3, u Law iddeskriviha bħala "l-iswed ġurnata".[9] Novembru ta' wara, Law irrapreżenta lill-Football League f'partita kontra l-kampjonat Taljan, fejn tilef bl-iskor ta' 4–2.

Minkejja li gawda ż-żmien ma' City,[10] hu xtaq li jilgħab ma' tim ta' aktar suċċess u ġie mibjugħ lill-klabb Taljan ta' Torino fis-sajf tal-1961.

Iż-żmien ta' Law fl-Italja ma marx kif xtaq. Il-klabb Taljan ta' Inter, ried jipprevjeni li hekk kif jasal Law isir plejer ta' Torino, fejn il-klabb stqaar li hu kien iffirma kuntratt preċedenti magħhom, minkejja li waqqgħu din l-istqarrija qabel ma' beda l-istaġun.

Plejers mir-Renju Unit ma kinux tratti tajjeb dak iż-żmien, u s-salarju massimu għall-futbolers kienet ġiet riċentament abolita, u b'hekk spiċċa sorpriż meta sab li t-taħriġ ta' qabel l-istaġun kien ibbażat f'lukanda lussuża fl-Alpi. Madanakollu, Torino kienu jħallsu lill-plejers kont il-prestazzjoni, fejn kienu jagħtu lill-plejers basktijiet mimlijin flus meta t-tim kien jirbaħ, però meta kien jitlef kienu jingħataw ftit, jew anki xejn.[11] Bħal ħafna plejers Brittaniċi li marru jilgħabu l-Italja, Law ma kienx jogħġbu l-istil tal-futbol u sabha bi tqila biex jadatta ruħu għalih. Is-sistema ultra-difensiva tal-catenaccio kienet populari ġewwa l-Italja, u b'hekk l-attakkanti ftit li xejn kien ikollhom ċansijiet biex jiskorjaw.[12] Waqt li kien jilgħab ma' Torino baqa' jilgħab mat-tim Skoċċiż, minkejja li l-klabb ma tantx kien kuntent li jħalluh jilgħab partiti internazzjonali u tpoġġiet klawżola fil-kuntratt tiegħu li kienet tgħid li huma ma kienux obbligati li jagħmlu dan.

Fis-7 ta' Frar 1962, hu spiċċa nvolut f'inċident f'karozza meta sieħbu Joe Baker dar in-naħa l-ħażina madwar dawwara u ħakk mal-bankina hekk kif hu prova jdawwar il-karozza, fejn minflok dawwarha bil-maqlub. Baker kien kważi maqtul, waqt li Law sofra ġrieħi li ma kienu ta' ebda periklu għal ħajtu.

F'April, hu għamel rikjesta ta' trasferiment li kienet injorata. L-aħħar dehra tiegħu wriet il-frustrazzjoni tiegħu meta tkeċċa fil-partita kontra Napoli. Wara l-partita, Law sar jaf li l-kowċ ta' Torino, Beniamino Santos, kien qal lir-referi biex ikeċċieh.[13] Lil Law qalulu li kien se jiġi trasferit lejn Manchester United. Madanakollu, xi ftit tal-jiem wara, kien ġie mifhum li Law kien se jiġi mibjugħ lit-tim ta' Juventus u li fil-kuntratt tiegħu kellu li seta' jmur mat-tim il-ġdid skont jekk kellux pjaċir jew le. Hu rrisponda billi rritorna lura lejn Aberdeen fejn kien jaf li Torino ma kienux se jieħdu sold mit-trasferiment jekk hu rrifjuta li jilgħab mal-Juventus.

Eventwalment hu ffirma mat-tim ta' United fl-10 ta' Lulju 1962, għal somma oħra rekord ta' 115,000.

Manchester United

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-snin ta' glorja

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel partita bil-flokk ta' United wasal kontra West Bromwich Albion nhar it-18 ta' Awwissu 1962, fejn id-debutt tiegħu mmarkah b'gowl mal-ewwel seba' minuti. Il-partiti spiċċat f'pari ta' 2–2. Madanakollu, il-forma ta' United kienet inkonsistenti wara d-diżastru tal-ajru ta' Munich fl-1958, u minħabba din l-inkonsistenza huma qattgħu l-istaġun jiġġieldu biex jevitaw ir-relegazzjoni. F'partita tal-kampjonat kontra Leicester City Law skorja tripletta però xorta waħda United tilfu. Fl-FA Cup, it-tim ta' Manchester United sab il-forma mixtieqa b'Law jiskorja tripletta fir-rebħa ta' 5–0 fuq il-klabb il-qadim tiegħu Huddersfield, u waslu sal-finali kontra Leicester City. Leicester kienu l-favoriti li jirbħu, wara li huma kienu spiċċaw ir-raba' fil-kampjonat, però Law skorja l-ewwel gowl hekk kif United rebħu l-finali bl-iskor ta' 3–1, li kellha tkun ukoll l-unika finali tal-FA Cup li Law qatt kellu jilgħab. Dak l-istaġun wasal ukoll iż-żwieġ mal-mara tiegħu Diana, nhar il-11 ta' Diċembru 1962.

Sfortunatament, f'dak l-istaġun ġara inċident li Law ħass li kellu reperkussjonijiet fil-futur qarib. F'partita kontra West Brom fil-15 ta' Diċembru 1962, ir-referi Gilbert Pullin kontinwament ipporvoka lil Law b'insulti bħal "O, inti hekk u hekk bravu, ma tafx tilgħab", u wara l-partita Law u l-kowċ tiegħu Matt Busby irrapurtaw dan kollu lill-Football Association.[14] Kumitat dixxiplinarju ddeċieda li Pullin kellu jiġi kkastigat severament, però hu ma aċċettax il-verdett tagħhom u rtira mil-logħba. Law aktar tard stqarr "f'għajnejn ċerti referis, [Law] kien bniedem immarkat" u ta tort lil dan l-inċident għall-"kastigi ħorox" li rċieva aktar tard fil-karriera.[15]

Law skorja numru ta' gowls fil-bidu tal-istaġun 1963–64 u kien magħżul biex jilgħab f'isem il-Kumplament tad-Dinja kontra l-Ingilterra f'Wembley, fejn skorja l-gowl tagħhom fit-telfa ta' 2–1. Aktar tard, hu ddeskriva din bħala l-ikbar unur tal-karriera tiegħu.[16] L-istaġun tiegħu kien interott minn sospensjoni ta' 28 ġurnata wara karta ħamra fil-partita kontra Aston Villa. Ix-xitwa kiesħa sfurzat lil United biex jilgħabu ħafna logħbiet fi spazju żgħir, u r-riżultati tagħhom sofrew. Law aktar tard ta t-tort lil dan il-fattur għala United naqsu li jirbħu trofew matul dak l-istaġun.

Fl-istaġun 1964–65, Law rebaħ l-unur tal-Plejer Ewropew tas-Sena, u Manchester United rebħu l-ewwel kampjonat wara t-traġedja ta' Munich. It-28 gowl fil-kampjonat ta' Law f'dak l-istaġun għamluh l-aqwa skorer tal-Ewwel Diviżjoni.

L-istaġun segwenti, Law weġġa' l-irkoppa l-leminija waqt partita internazzjonali mal-Iskozja kontra l-Polonja fil-21 ta' Ottubru 1965. Ma' Huddersfield kien kellu diġà jagħmel operazzjoni fuq l-istess irkoppa,[17] u din kienet se tagħtih il-problemi għall-kumplament tal-karriera.

Fl-1966, Law staqsa lill-kowċ ta' United Matt Busby biex iżidlu s-salarju meta jerġa' jġedded il-kuntratt u hedded li jħalli lill-klabb f'każ li ma jingħatax wieħed. Busby immedjatament poġġa lill-plejer fis-suq tat-trasferimenti, fejn stqarr li "l-ebda plejer mhu se jirrikatta lill-klabb, l-ebda plejer". Meta Law mar jarah, Busby għamel apoloġija bil-miktub biex jiffirma, fejn uriha lill-istampa meta għamel dan.[18] Law aktar tard stqarr li Busby uża dan l-inċident biex iwissi lil plejers oħra biex jagħmlu l-istess ħaġa, imma segretament kien għollilu s-salarju.[19]

Law skorja fir-rebħa storika ta' 3–2 li l-Iskozja għamlu fuq l-Ingilterra nhar il-15 ta' April 1967 fil-British Home Championship tal-1967, inqas minn sena wara li l-Ingilterra kienu nkurunati ċampjins mondjali. Manchester United rebħu l-kampjonat ta' dak l-istaġun, imma Law ħass li r-rebħa fuq l-Ingilterra kienet aktar sodisfaċenti.[20]

Fl-1968, United rebħu t-Tazza taċ-Ċampjins għall-ewwel darba, però l-uġigħ fl-irkoppa kienet qed tagħmillu l-bsaten fir-roti hekk kif hu tilef is-semifinali u anki l-finali. Il-fatt li kien xorta jilgħab waqt li l-irkoppa kienet għadha imweġġa kien qed jikkawża ħsara fuq bażi estensiva. Hu żar speċjalista f'Jannar tal-1968 li kiteb li operazzjoni preċedenti biex jitneħħa l-kartilaġni mill-irkoppa kienet falliet u rrakkomanda li ssir it-tieni operazzjoni, però lil Law ma ntweriex bir-rapport għal diversi snin u kellu jkompli t-taħriġ komplet.[21]

Fl-istaġun 1968–69, United laħqu s-semifinali tat-Tazza taċ-Ċampjins, fejn lagħbu kontra AC Milan. L-ewwel leg f'San Siro spiċċa 2–0 f'favur it-tim Milanista, bit-tieni leg f'Old Trafford jintrebaħ bl-iskor ta' 1–0 grazzi għal gowl ta' Bobby Charlton. F'azzjoni mill-partita, Law ra l-konklużjoni tiegħu li tispiċċa wara l-linja u tiġi newtralizzata minn difensuri tat-tim ta' Milan. Law stqarr li kien gowl però r-referi ħalla l-logħob ikompli biex United ħarġu barra mill-kompetizzjoni. Busby irriżenja fl-aħħar tal-istaġun u n-niżla ta' United bdiet.

Wilf McGuinness ħa f'idejh it-tim fil-bidu tal-istaġun istaġun 1969–70.[22] United spiċċaw it-tmien post fil-kampjonat, però Law tilef kważi l-istaġun kollu minħabba li kien imweġġa, u f'April tal-1970 hu tpoġġa fis-suq tat-trasferimenti għal £60,000. Ħadd m'għamel offerta għalih, u b'hekk baqa' ma' United.

Wara l-istaġun 1970–71 pjuttost fqir, Frank O'Farrell inħatar bħala kowċ il-ġdid. Huma għamlu bidu tal-istaġun 1971–72 mill-aqwa u spiċċaw is-sena 1971 ħames punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika, b'Law jiskorja tnax-il gowl. Madanakollu, ir-riżulati bdew jiddeterjoraw u spiċċaw l-istaġun fit-tmien post.[23] Law skorja fl-ewwel partita tal-istaġun segwenti, istaġun 1972–73, però l-irkoppa reġgħet bdiet tagħtih il-problemi, u naqas li jiskorja gowl matul il-kumplament tal-istaġun. Ir-riżultati fqar komplew sejrin u O'Farrell spiċċa mkeċċi minn postu.

Law irrakkomanda li United jagħżlu lil Tommy Docherty minflok O'Farrell, minħabba li hu kien jafu matul iż-żmien mat-tim nazzjonali Skoċċiż.[24] Il-klabb aċċetta r-rakkomandazzjoni tiegħu, u l-affarijiet bdew imorru għall-aħjar b'titjib fir-riżultati tal-iskwadra.

L-aħħar staġun

[immodifika | immodifika s-sors]

Docherty ta lil Law trasferiment b'xejn fis-sajf tal-1973, u hu ttrasferixxa lura lejn Manchester City. Hu lagħab fit-telfa ta' 2–1 li City sofrew fil-finali tal-League Cup, kontra l-Wolves. Fl-aħħar partita tal-istaġun 1973–74, Law skorja gowl kontra l-eks-skwadra tiegħu Manchester United li ggarantixxa r-retroċessjoni mill-Ewwel Diviżjoni tat-tim ta' United, sitt snin biss wara l-finali tat-Tazza taċ-Ċampjins li hu kien tilef. Id-daqqa ta' takkuna ta' Law tat lil City rebħa ta' 1–0, però kien sobgħien li wassal għar-relegazzjoni ta' United (wara kien mifhum li dan ir-riżultat ma kienx determinanti minħabba li United xorta kienu se jiġu relegati anki jekk kienu se jispiċċaw pari, però Law sa dak il-ħin ma kienx jaf) u b'hekk ma ċċelebrax il-gowl, fejn mar lura fin-nofs tiegħu b'rasu baxxuta, u sussegwentament ġie sostitwit. Din kienet l-aħħar partita mill-karriera professjonali tiegħu, hekk kif hu rtira aktar tard minħabba li ma riedx li jispiċċa mat-tim ta' riservi ta' City.

L-Iskozja waslu fil-fażi tal-finali tat-Tazza tad-Dinja fis-sajf tal-1974, għall-ewwel darba mill-1958. Minkejja li ma lagħab ebda futbol mal-ewwel tim fl-istaġun preċedenti, Law kien inkluż fl-iskwadra u lagħab fl-ewwel partita kontra ż-Żajr. Hu ma skorjax, imma l-Iskozja xorta waħda rebħet bl-iskor ta' 2–0. Law kien "veru diżappuntat" li ma spiċċax magħżul għall-partita ta' wara kontra l-Brażil,[25] u l-anqas kien magħżul għall-partita ta' kontra l-Jugożlavja. Minkejja li l-Iskozja ma ħarġitx telliefa mill-ebda konfront li lagħbet, huma xorta waħda spiċċaw barra mill-kompetizzjoni.[26]

Wara l-futbol

[immodifika | immodifika s-sors]

Law xorta kellu kuntratt ma' Manchester City però l-kowċ tagħhom Tony Book qallu li jekk kien se jibqa' kien se jilgħab biss futbol mat-tim tar-riservi. Hu ma riedx li jagħlaq il-karriera tiegħu b'dan il-mod u b'hekk irtira mill-futbol internazzjonali fis-sajf tal-1974.[27] Minn dakinhar 'l hawn, Law ħadem ħafna drabi bħala opinjonista sportiv kemm fuq ir-radju u anki fuq it-televixin. Sa Lulju 2005, hu għadu miżżewweġ lil Diana, u t-tnejn għadhom jgħixu fl-erja qrib Manchester. Huma għandhom ħamest itfal, u t-tifla tagħhom, li jisimha wkoll Diana, taħdem fl-uffiċċju stampa għal Manchester United.

F'Mejju 2008 fil-grawnd ta' Manchester City, Denis Law (flimkien mal-president tal-UEFA Michel Platini) ippreżenta l-midalji lir-rebbieħa tat-Tazza UEFA, Zenit St. Petersburg u lill-avversarji tagħhom, it-tim Skoċċiż ta' Glasgow Rangers.

Nhar it-23 ta' Frar 2002, ġiet mikxufa f'Old Trafford statwa ta' Law, fil-parti tal-istadju magħrufha bħala Stretford End.[28] F'Novembru tal-2003 l-operazzjoni għat-trattament tal-kanċer tal-prostata marret b'wiċċ il-ġdid,[29] u kien onorat b'dottorat onorarju mill-Università ta' Aberdeen fil-5 ta' Lulju 2005.[30]

Manchester United

Law kien ukoll plejer ta' Manchester United meta t-tim rebaħ t-Tazza taċ-Ċampjins tal-1968, però hu tilef il-partita minħabba li kien imweġġa.

Statistika tal-karriera

[immodifika | immodifika s-sors]
Prestazzjoni mal-klabb Kampjonat Tazza Total
Staġun Klabb Kampjont App Gowls App Gowls App Gowls
Ingilterra Kampjonat FA Cup Total
1956–57 Huddersfield Town It-Tieni Diviżjoni 18 3
1957–58 20 6
1958–59 26 2
1959–60 27 8
1959–60 Manchester City isem Diviżjoni 7 2
1961–62 43 21
Italja Kampjonat Coppa Italia Total
1961–62 Torino Serie A 27 10
Ingilterra Kampjonat FA Cup Total
1962–63 Manchester United isem Diviżjoni 44 29
1963–64 41 45
1964–65 41 45
1965–66 52 39
1966–67 48 24
1967–68 38 25
1968–69 27 9
1969–70 36 21
1970–71 20 12
1971–72 41 13
1972–73 12 3
1973–74 Manchester City isem Diviżjoni 26 12
Total Ingilterra 560 290
Italja 27 10
Total fil-karriera 587 300

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Law, Denis; Gubba, Ron (1980). Denis Law - An Autobiography (bl-Ingliż). Futura Publications. ISBN 0-7088-1902-8.
  • Law, Denis; Harris, Bob (2003). The King (bl-Ingliż). Bantam Press. ISBN 0-593-05140-8.
  1. ^ Denis Law; Ron Gubba, Denis Law – An Autobiography (Londra: Futura Publications, 1980), 8.
  2. ^ Kenny Dalglish ukoll skorja 30 gowl għall-Iskozja, minkejja li dan għamlu f'102 partiti kkomparat mal-55 partita ta' Law.
  3. ^ Denis Law and Bob Harris, The King (New York: Bantam Press, 2003), 29.
  4. ^ Ibid., 44.
  5. ^ Ibid., 52.
  6. ^ Ibid., 53.
  7. ^ Ibid., 54.
  8. ^ Clayton, David (2002). Everything under the blue moon: the complete book of Manchester City FC - and more! (bl-Ingliż). Edinburgh: Mainstream publishing. p. 126. ISBN 1-84018-687-9.
  9. ^ Ibid., 112.
  10. ^ Ibid., 55.
  11. ^ Ibid., 67.
  12. ^ Ibid., 68.
  13. ^ Ibid., 80.
  14. ^ Denis Law – An Autobiography, 67.
  15. ^ Ibid., 68.
  16. ^ Ibid., 74.
  17. ^ The King,164.
  18. ^ Ibid., 170.
  19. ^ Ibid., 170–171.
  20. ^ Ibid., 178.
  21. ^ Ibid., 189.
  22. ^ Ibid., 208.
  23. ^ Jackson, Stuart. "Season 1971-72" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2009-02-23.
  24. ^ Ibid., 217.
  25. ^ Ibid., 108.
  26. ^ "Match Schedule - 1974 World Cup" (bl-Ingliż). planetworldcup.com. Miġbur 2008-02-23.
  27. ^ Denis Law – An Autobiography, 162.
  28. ^ "Denis Law statue unveiled" (bl-Ingliż). Manchester United. Miġbur 2009-02-23.
  29. ^ "How I beat prostate cancer: Denis Law" (bl-Ingliż). Manchester Online. Miġbur 2009-02-23.
  30. ^ "Law will not judge Glazers yet" (bl-Ingliż). Manchester Online. Miġbur 2005-07-08.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
Unuri
Predeċessur
Lev Yashin
Plejer Ewropew tas-Sena
1964

Suċċessur
Eusébio