[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Dejma

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Is-salib tad-Dejma ta' Ħal Kirkop

Id-Dejma kienet milizzja Maltija magħmula min-nies ċivili. L-iżjed referenza bikrija għad-Dejma hi tal-1462[1].

L-attakki mill-furbani kienu xi ħaġa komuni fiż-żmien Medjevali. Dawn mhux biss kienu jaqbdu xi xwieni jew dgħajsa, imma kienu ukoll jinżlu f'xi xatt, joqtlu lil kull min jiqfilhom, u jisirqu dak kollu li jgħodd għalihom u saħansitra jaħtfu ħafna nies u jkaxxkruhom magħhom bħala lsira. Għalhekk il-Maltin kellhom iwaqqfu xi forma ta' difiża.

Lejn l-aħħar tas-seklu 15, l-arkivji Maltin jiddeskrivu żewġ tipi ta' milizzja: L-għassiesa tax-xtut deskritti fil-lista tal-milizzja msejħin "Guardia", "Maħras" jew "Għassa", u l-milizzja ibbażata fil-bliet imsejħa d-"Dejma". Hemm it-tendenza fost l-istoriċi popolari Maltin li jqisu d-Dejma bħala l-veru difensuri tal-gżejjer, però d-Dejma twaqqfet wara l-Guardia. Id-Dejma ssemmiet għall-ewwel darba fl-1462 u tidher li kienet magħmula min-nies li kellhom żiemel u armi u li kienu fewdatarji tal-isqof ta' Malta.

L-ewwel Dejma kienet tal-Imdina, però fl-aħħar tas-seklu 15, erba' rħula kellhom Dejma, kull wieħed immexxi minn kaptan: is-Siġġiewi, in-Naxxar, iż-Żurrieq u n-Nadur f'Għawdex. Skont xiehda f'każ ta' qtil fis-Siġġiewi fl-1473, is-Siġġiewi kellu Dejma ta' 10 min-nies li kienu jservu billejl fil-knisja ta' San Ġwann.[2][3] Fl-1498, tissemma d-Dejma f'Ħaż-Żabbar li tipproteġi r-raħal.[4]

Il-fatt li Dejma hi kelma semitika ma jfissirx li d-Dejma bdiet fi żmien l-Għarab. Aktarx kellha isem Malti billi l-Maltin kellhom jorganizzawha mingħajr l-għajnuna tal-ħakkiema Aragoniżi. Il-milizzja Maltija żviluppat mill-ħtieġa tal-Maltin li jħarsu ruħhom u m'hemm l-ebda xhieda li l-Aragoniżi żviluppawha jew rawmuha bħala istituzzjoni.[5]

Il-listi tal-Militia

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Professur Godfrey Wettinger għamel studju intensiv fuq il-listi tal-Milizzja li sab fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina. Dawn għandhom it-titlu Quaternu factu et ordinatu per li nobili capitaneo et Jurati [et] consiglu per la guardia de la hisula de mauta anni XIII Indicionis. Wettinger jirraġuna li l-eqdem kienet tal-1419-1420.[6] Kif għedna iżjed 'il fuq, id-Dejma issemmiet għall-ewwel darba fl-1492 u mela dawn il-listi huma aktarx tal-milizzja li kienet tgħasses ix-xtut.

Dawn il-listi huma importanti għall-Istorja ta' Malta għall-bosta raġunijiet. Il-listi jagħtuna tagħrif dwar kif kienet imqassma l-popolazzjoni Maltija fis-Seklu 15.

Fil-lista tal-1419-20 insibu mniżżlin 1667 raġel. Jekk tgħodd ukoll l-irġiel tal-Birgu li mhumiex fiha tasal għal madwar 2000 raġel. Jekk iżżid ukoll lin-nisa u lit-tfal il-popolazzjoni ta' Malta fl-1419 tasal għal madwar 10,000 ruħ. Il-lista tagħtina ukoll idea tal-ismijiet li kienu jingħataw dak iż-żmien. Il-lista tal-Milizzja fiha madwar 80 isem Nisrani. Bl-isem Antoni nsibu 104 rġiel, b'Johanni 94 u b'Cola 94. Insibu wkoll xi ismijiet strambi bħal Azimundinu, Ansaldinu u Apostoli. Ma jissemmewx Karmenu, Publiju u Ġużeppi nsibuh biss fost il-Lhud u fost dawn kien komuni ħafna. Hemm il-lista ta' żwiemel li kellhom lesti għat-taqbid.

Raħal Isem antik Numru ta' rġiel
li kellhom żiemel
Ħal Qormi Curmi 15
In-Naxxar Naxaru 9
Ħ'Attard Atardu 8
Ħal Tarxien Mitarxen 2
Ħal Għaxaq Axac 2
L-Imqabba Micabibe 1
Ħal Safi Safi 1

Xi osservazzjonijiet li joħorġu mil-lista tal-Milizja:

  • In-naħat tal-Mellieħa u ta' San Pawl il-Baħar sa l-1419 kienu għadhom skarsi ħafna mill-popolazzjoni
  • Bosta rħula ntilfu; illum m'għadhomx jeżistu. Insemmu bħala eżempju lil Calleja u Gumerinu.
  • Fl-1419 il-popolazzjoni kienet għadha rurali. Minn 1667 ruħ, l-Imdina u r-Rabat kellhom 424 raġel; dawn jinkludu l-Lhud. Mhux veru li l-popolazzjoni kienet tgħix kollha madwar l-Imdina u r-Rabat biss.
  • Il-lista hija miktuba fuq 42 faċċata.
  • Il-Lhud huma miktubin fuq lista għalihom. Fl-1492 il-Lhud tkeċċew minn Malta, allura l-lista bilfors kienet ta' żminijiet qabel l-1492.
  • L-irġiel tal-Birgu u Għawdex ma jidħlux fil-lista tal-Milizja. Fil-fatt il-Birgu u Għawdex kellhom arranġamenti differenti għad-difiża tagħhom.
  • Il-qassisin ma jissemmewx fil-lista tal-Milizja.

Il-lista tal-Milizja tiġbor fiha nies minn kull qasam tal-ħajja: Lhud u Insara, bdiewa u bejjiegħa tal-ħwienet, nies tas-sengħa, nutara, sidien ta' għelieqi u sidien fewdali.

Fi żmien il-Kavalieri

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kittieb tal-istorja ta' l-Ordni ta' San Ġwann ta' Malta, Giacomo Bosio[7], jagħtina ħjiel fuq id-Dejma fl-1530. Isemmi kif il-Maltin laqgħu lill-Gran Mastru L'Isle Adam fis-26 ta' Ottubru:

Mhux anqas minnn ħames mitt ruħ, il-biċċa l-kbira rġiel bi stallett u sejf fuqhom; ilkoll bil-leħja u mimlija; il-libsa tagħhom geżwira tasal sa rkubbtejhom, miksijin kisja kkutunata bit-tajjar ta' Malta. rashom mgħottija bi brieret, muntieri, li jostrulhom rashom sewwa.

Mal-miġja tal-Ordni ta' San Ġwann, billi l-milizzja Maltija ma' kinitx istituzzjonalizzata, il-Kavalieri assorbewha bħala parti mid-difiża tagħhom.[8] It-tmexxija kienet f'idejn il-Kavallieri li kienu jorganizzaw u jdaħħlu tibdil kif ikun hemm bżonn. Ir-riġmenti tal-kampanja kollha kienu jaqgħu taħt il-kmand ta' kavallier ta' grad għoli msejjaħ seneskalku.[9]

L-irġiel minn tmintax sa sittin sena kellhom jidħlu fid-dejma u jagħtu sehemhom fid-difiża bilfors. L-armata kienet maqsuma f'għadd ta' ġemgħat daqs kemm kien hemm parroċċi jew irħula dak iż-żmien. F'Settembru ta' kull sena kienu jinħatru l-kaptani tad-Dejma. Bejn dawn kien jitqassam il-ħarsien tax-xtut kollha. Il-kaptan tad-Dejma taż-żwiemel kien magħruf bħala Kavabuzz. In-nobbli, l-kbarat u l-għonja kellhom iżommu żwiemel għat-taqbid. Il-kapijiet tal-familji kellhom iżommu fi djarhom vleġeġ, żbandoli, lanez, sjuf, alabardi, xwabel, puntini u maż-żmien ukoll arkibuġji u joħorġu huma u uliedhom kull meta tissejjaħ in-nafra. In-nafra kienet is-sejħa għat-taqbid.

Id-dmirijiet tal-uffiċjali kellhom id-dover li jgħallmu lis-suldati kif jimmaniġġjaw l-armi sew, jisparaw tajjeb, jirtiraw wara l-ħitan tas-sejjieħ, u joħorġu minn warajhom bl-ordni biex jiffaċċjaw l-għadu. Kellhom ukoll jieħdu s-suldati fuq ix-xtut biex jidraw il-postijiet fejn kien ippjanat li jiġu stazzjonati f'każ ta' attakk. Il-kaptani kienu mistennija li jorqdu fl-irħula tagħhom mill-l ta' Marzu sa l-aħħar ta' Settembru, u jaraw li l-għases isiru kif suppost. L-għassiesa kienu jiġu spezzjonati regolarment, darba mill-kaptani tagħhom u darba mill-­kavallerija tal-Ordni li kienu jissejħu "Turkopilieri".[10]

F'xi rħula twaqqfu armeriji fein kienu jinġabru l-armi tal-irħula tal-qrib biex ikunu aktar fiż-żgur u jiżammu f'kundizzjoni tajba. Wieħed mill-fizzjali kien jieħu ħsieb l-armerija u kien ikun hemm ukoll armatur ii jieħu ħsieb li l-armi jkunu servibbli f'każ ta' bżonn.[11]

Matul is-seba' xhur bejn l-ewwel ta' Marzu u l-aħħar ta' Settembru kienu jiżdiedu l-għases ma' bnadi oħra tax-xatt. Ta' min jinnota li fix-xitwa t-tbaħħir kien perikoluż ħafna u għalhekk is-sibbien kienu jnaqqsu mill-attività tagħhom. Għall-istess raġuni t-Torok ma kinux se jissograw jibagħtu armata fix-xitwa. Dawn l-għassiesa kienu jitħallsu żewġ skudi jew skud u nofs fix-xahar. Il-ħlas għall-għassiesa kienu joħorġuh iż-żewġ universitajiet tal-Belt Valletta u tal-lmdina. Mela l-Maltin stess kienu jħallsu għall-għassa madwar arthom.

Fl-l738 id-Dejma kienet maqsuma f'diversi riġmenti. [12] Kien hemm il-kumpaniji tal-ibliet u r-riġmenti tal-kampanja. Dawk tal-kampanja kienu Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, Naxxar, Żejtun u Ħal Luqa.

Biex nieħdu eżempju, ir-riġment ta' Ħal Luqa kien jiġbor fih il-kumpaniji ta' sebat irħula: il-Gudja, Ħal-Luqa, iż-Żurrieq, Ħal Safi, l-Imqabba, il-Qrendi u Ħal Kirkop. Dan ir-riġment kien jikkonsisti f'kurunell, tenent kurunell, maġġur u ajjutant tal-maġġur. Taħt dawn l-uffiċċjali għolja kien hemm 78 uffiċċjal ieħor, jiġifieri sitt kaptani, l2-il sotto tenent, l2-il surġent, l2-il sotto surġent, u 36 kapural. Is-suldati kienu 650.[13]

F'każ li jkun mistenni attakk kbir, kien hemm arranġamenti iżjed komplessi. L-ewwel pass kien li s-suldati tad-Dejma kienu jinġabru ħdejn is-Salib tad-Dejma biex jirċievu l-ordnijiet malli jisimgħu il-kanun jew il-qniepen. Dan kien salib fuq kolonna fit-tarf tar-raħal.

  • "Ħoll xagħrek u ġib iż-żejt": L-irġiel tad-Dejma kienu jħallu xagħarhom twil u jobormuh u jgerbuh taħt il-muntiera. Ix-xagħar hekk mibrum kienu jgħidulu "id-dliel". Dawk li jriduha kienu jidilku dlielhom biż-żejt. Hemm verżjoni oħra ta' din l-idjoma li forsi ma tantx għadha tintuża: "Ħoll dlielek u ġib iż-żejt".
  • "Il-kelma tal-Qaddis": Din kienet kelma ta' passaġġ sigrieta li kienu jużaw in-nies tad-Dejma. X'aktarx kienet tkun isem ta' qaddis. ll-kelma tal-Qaddis kienet tinbidel kuljum. Is-­Siniskalku kien jgħaddiha lill-ġenerali. ll-kurunelli kienu jibagħtu għall-kelma tal-qaddis flimkien mal-ordnijiet għas-sitta ta' fil-għaxija.

Fis-seklu għoxrin

[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn l-1981 u l-1989, taħt gvern Laburista, id-Dejma kienet korp fi ħdan il-Forzi Armati ta' Malta. Dan il-korp, li ġabar fih żewġ korpi, "Dirgħajn il-Maltin" u l-"korp tal-Pijunieri", kien korp tax-xogħol bl-iskop li jgħin fl-infrastuttura ta' Malta.[14]

  1. ^ Godfrey Wettinger, Acta iuratorum et consilii civitatis et insulae Maltae, Associazione di studi Malta-Sicilia, 1993, p.239-242 Nru. 217
  2. ^ Buhagiar Mario, Fiorini Stanley, Mdina, the cathedral city of Malta: A reassessment of its history and a critical appreciation of its architecture and works of art, Central Bank of Malta, 1996, ISBN: 9990997500, Vol. 2, p. 455
  3. ^ Godefrey Wettinger, Honour and Shame in Late Fifteenth Century Malta, Melita Historica Vol. 8, Nru. 1, 1980, p.74 [1]
  4. ^ Godfrey Wettinger, Acta iuratorum, p. 891, Nru. 946,
  5. ^ Theresa M. Vann, The Militia of Malta, p. 137,The Journal of Medieval Military History, Vol. II, ed. Bernard S. Bachrach, Clifford J. Rogers u Kelly DeVries, 2004, The Boydell Press, Woodbridge, ISBN: 1 84383040X
  6. ^ Godfrey Wettinger, The Militia List of 1419-20: A new Starting Point for the Study of Malta's Population, Melita Historica Vol. 5, Nru. 2, 1969, p. 80 [2]
  7. ^ Giacomo Bosio, Historia della Sacra di religione militare S. Giovanni Gerosolimitano, della Malta, Ruma, 1594
  8. ^ Theresa M. Vann, The Militia of Malta, p. 137,The Journal of Medieval Military History, Vol. II, ed. Bernard S. Bachrach, Clifford J. Rogers u Kelly DeVries, 2004, The Boydell Press, Woodbridge, ISBN: 1 84383040X
  9. ^ Il-parti l-kbira ta' din is-sezzjoni hi meħuda minn Id-Dejma tas-Seklu Tmintax: il-Kumpanija tal-Gudja ta' Paul Farrugia [3]
  10. ^ In-nies tal-irħula kellhom iħallsu l-kera tad-dar fejn kien joqqħod il-kavallier assenjat għar-raħal tagħhom. Insibu petizzjoni biex jitneħħa dan il-piż fl-l642.
  11. ^ Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta, Arkivji 269, f. l24.
  12. ^ Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta, Arkivji 269, ff 110-115
  13. ^ Bejn l-l755-63 kien hawn biża' li t-Torok kienu se jattakkaw lil Malta u ntgħażlu uffiċċjali għar-riġmenti. Għar-riġment ta' Ħal-Luqa nsibu li l-kurunell, it-tenent u t-tmien kaptani kienu kollha kavallieri. AOM 27l.
  14. ^ A short history of the first 25 years, ARMED FORCES OF MALTA [4]

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]